Opinjoni

Opinjoni: It-tama u l-għaqda li pajjiżna jeħtieġ illum

Annabelle Cilia
Kandidat PN Sitt Distrett

Iktar ma jgħaddu ġranet iktar qed jinħass il-bżonn tal-bidla. Bidla fid-direzzjoni. Bidla mill-partiġġjaniżmu sfrenat fejn f’kollox u kullimkien indaħħlu l-politika. Bidla mill-kliem iebes u ta’ disprezza lejn il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Partit Nazzjonalista. Mhux lil dawn biss, imma lejn dawk kollha li b’xi mod jopponu lil dan il-Gvern Laburista!
Il-Maltin u l-Għawdxin għajjew b’din it-tip ta’ politika antikwata li tifred aktar milli tgħaqqad. Politika li tweġġa’ aktar milli tibni. Dan l-atteġġjament qed narawh ukoll fid-diskussjonijiet li għaddejjin wara li reġgħet għolliet rasha l-gwerra fil-Lvant Nofsani. Pajjiżna mhux l-ewwel darba li kellu jħabbat wiċċu b’mod qrib ħafna f’sitwazzjonijiet simili. Meta fl-2011 Gvern Nazzjonalista kellu jagħti sehmu waqt il-gwerra fil-Libja, propju ftit mili ‘l bogħod minna, huwa ġie rikonoxxut fuq livell internazzjonali għall-mod għaqli li ħadem bih. Illum, iktar minn qatt qabel qed ngħixu f’mument fejn ħafna qed ifittxu direzzjoni ġdida.
Illum, aktar minn qatt qabel, hemm għatx għal direzzjoni ġdida. Għatx għal politika li terġa’ tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru. Għax il-verità hi waħda: Gidba dejjem iġġib magħha prezz. U ħafna drabi dan il-prezz qed inħalsuh aħna. F’dan il-mument, pajjiżna għandu bżonn aktar minn qatt qabel nies li jġibu magħhom serenità, kuraġġ u viżjoni għal Malta aħjar.
Huwa propju hawnhekk fejn jidħol il-valur tal-onesta’ fit-tmexxija. Tmexxija li ma tibnix fuq il-konfront, iżda fuq l-għaqda. Din it-tmexxija tifhem li pajjiżna jista’ jimxi ’l quddiem biss meta aħna nħossuna mismugħa, rispettati u parti minn proġett komuni.Il-messaġġ li qed iwassal il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ Alex Borg huwa wieħed sempliċi, iżda qawwi – aħna nistgħu nagħmlu aħjar; Malta tista’ tagħmel aħjar. Flimkien nistgħu nibnu pajjiż fejn il-politika terġa’ tkun servizz lejn il-komunità. Il-valuri tal-onestà, ir-rispett, u l-ġustizzja jerġgħu jkunu l-pedament tad-deċiżjonijiet tagħna. Aħna rridu politika fejn mhux il-politiku u l-Ministru jkun fiċ-ċentru. Iżda int li vvutajt għal Malta aħjar. Il-bidla fil-pajjiż qatt ma tiġi biss minn persuna waħda jew minn partit wieħed. Tiġi minnha lkoll jekk flimkien nemmnu li l-affarijiet jistgħu jkunu aħjar u li nistgħu naħdmu flimkien biex insiru aħjar. It-tama mhijiex kelma vojta. Hija għażla. L-għażla li nemmnu li Malta tista’ tkun pajjiż fejn il-politika terġa’ tkun dwar is-servizz, mibnija fuq ir-rispett, u fejn aħna lkoll inħarsu lejn il-futur b’kunfidenza.
Illum aktar minn qatt qabel, il-pajjiż għandu bżonn dan l-ispirtu. Spirtu ta’ tama, għaqda u kuraġġ biex nibnu Malta li tassew tkun ta’ kulħadd.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 29 ta’ Marzu, 2026.