Opinjoni

Opinjoni: KRISTU 2026

Min jiskopri lil dan Kristu, jinduna li għalih id-dlam mhuwiex l-aħħar kelma. Għax wara d-dlam, wara s-salib, hemm il-qawmien.

Ivan Bartolo
Shadow Minister
għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli,
il-Ġlieda Kontra l-Faqar u s-Solitudni

Żmien partikolari għal min jemmen fi Kristu. Mhux Kristu storja, imma Kristu li għandi relazzjoni miegħu. Żmien partikolari, għax għal min jemmen jisimgħu fis-skiet, jarah fis-sempliċità.
Xi wħud iħarsu lejn dan iż-żmien bħala żmien ta’ sagrifiċċju. Jarawh kastig. Perċezzjoni ħażina, għax dan hu żmien ta’ libertà. Meta tnaqqas xi ħaġa, tagħmel spazju għal dak li verament jgħodd.
Dan hu mument sabiħ, dan hu żmien ta’ ritorn lejn il-qalb. Il-qalb li jekk tkun f’postha, ma tkunx ’il bogħod minn dan Kristu. Dan Kristu li mexa t-triq umana, bħal biża’, solitudni, infedeltà, imdawwar b’nies ingrati, b’nies mimlija kburija, b’nies li fittxewh biss skont kif jaqblilhom.
Dan Kristu li għex mumenti twal ta’ deżert spiritwali. Dan mhuwiex deżert baħħ, vojt, bla sens imma spazju fejn fih seta’ jneħħi l-istorbju biex jisma’ l-essenzjal, fuq kollox jisma’ lilu nniffsu. Dan Kristu li terraq fid-dlam, liema triq fid-dlam li ħadd ma jrid jgħaddi minnha.

Id-dlam mhuwiex l-aħħar kelma
Imma min jiskopri lil dan Kristu, jinduna li għalih id-dlam mhuwiex l-aħħar kelma. Għax wara d-dlam, wara s-salib, hemm il-qawmien. Aħna wkoll nistgħu faċilment ngħaddu minn dan id-dlam tad-deżert, inżommu f’moħħna li t-tbatija tnaddaf. Mhux għax tajba fiha nfisha, imma għax tneħħi l-maskri, tqaxxar il-ħmieġ u tippurifikana fi bnedmin ta’ vera.
Apparti li nħarsu lejn it-triq mudlama li terraq Kristu, ikun ferm apprezzat kieku kellna nħarsu lejn Kristu nnifsu. Kristu li m’għamilx bħal xi wħud minna, nafu x’għamel mal-mara l-midinba. Mur ġib lilna floku. Kristu li ma mexiex one siza fits all fejn jidħlu għemejjel. Kristu li qatt ma fixkel lill-kbir jew liż-żgħir. Kristu li ma kkundannax l-għemejjel ta’ dik il-mara l-midinba li kienu jagħtuha l-flus biex tħallihom jużawha. Ma kkundannahomx. Għax fehem li huma emozzjonijiet li sa issa forsi għadhom mhumiex kapaċi jisseparaw minnhom.
Imma f’waħda mill-episodji tal-vanġelu, Kristu jgħid lil Pietru li kien maġenbu, waqt mument vittorjuż fejn l-appostli kulħadd jipprova jidher miegħu, u Kristu jħares f’għajnejn in-nies u ma jkellem lil ħadd. Ipprova jfittex f’għajnejn in-nies il-verità li teħlisna. Jiġifieri pprova jfittex il-fidi vera. Għax is-suċċess jiġbed lin-nies. Xi wħud għax verament jifirħu għalik, oħrajn għax jarawk bħala opportunità. Mhux dejjem faċli tiddistingwi.

Mumenti li juruk il-ġenwinità
Dawn il-mumenti diffiċli juruk min hu veru. Tagħraf il-ġenwinità ta’ dak li jkun meta l-affarijiet ma jibqgħux daqshekk tajbin, u dak li jkun jibqa’ miegħek. Xi wħud ma jafux kif ikunu preżenti l-aktar fit-tbatijiet ta’ dak li jkun, jew minħabba xi idea jew oħra. Jiftakru dak li ma stajtx tagħmel għalihom, jiftakru f’ħaġa waħda li ma kienx hemm qbil dwarha, imma mbgħad jinsew xi tkun għamilt għalihom.
Sew fil-mument sbieħ, u anki f’ dawk il-mumenti inqas sbieħ, qatt m’għandek titlef lilek innifsek. Is-suċċess jagħmilni bniedem grat, it-telfa tagħmilni aktar umli, it-tnejn flimkien jagħmluni bniedem matur. Din ukoll ngħaddu minnha u taf titfagħna f’deżert mudlam.
Probbabli naf nidher l-istramb, l-għajjur u ’l bogħod minn dak li llum ikanta l-vitorja. Fil-verità nkun jien l-aktar ġenwin, minn dawk li kontinwament iħufu biex jiggwadanjaw. Bla dubju li meta l-KBIR jinduna b’dan, jiċkien f’daqqa u jispiċċa f’baħar ta’ iżolament, minkejja li jkun imdawwar bil-kotra.
U x’ġara f’Ħadd il-Palm, kulħadd imiss il-mantell ta’ Kristu. U Kristu staqsa min kien qed imiss, imma lanqas dak li kien fuq il-lemin tiegħu ma fehmu, għax qallu “daqs dawk nies kif tista’ tkun taf min qed imissek?” Imbagħad dar fuq waħda mara u qalilha li “l-fidi tiegħek fejqitek, il-fidi tiegħek salvatek.”
Għax fid-deżert isawtuk, u jaqtgħulek qalbek u jwarrbuk u jkissruk u jivvintaw fuqek bex joskurawk, imma meta tgħaqqad tbatijietek ma’ dawk ta’ Kristu, hu stess ikun qed jisilfek ftit mill-ħajja li għex hu. Ikun ħabib tiegħek, ikun qed jaqsam ħajtu miegħek…

X’inhi l-verità li jrid Alla?
Li kieku nifhmu dan, ngħixu aħjar dan iż-żmien bħala opportunità. Li kieku nifhmu dan kull Reliġjon tnissel fina l-paċi, il-kunventi u seminarji mimlija, imma m’aħniex inkunu xhieda ta’ Kristu, għax hekk jiġri meta taħbi l-verità, hekk jiġri meta ngħixu realtà lil hemm mill-verità li jrid Alla. U x’inhi l-verità li jrid Alla? Li aħna nifhmu li Alla hu Missierna li jridna aħjar minnu. Bħall-ġenituri tagħna, li jixtiquna aħjar minnhom. Għax hija xi ħaġa naturali. Allura Alla (il-Ħallieq) ma jirraġunax hekk? Alla bagħat lil ibnu (l-uniku iben li kellu) biex jissallab. U hawn tifhem aħjar meta Kristu minn fuq is-salib, f’mument umli u f’abbandun, staqsa lill-Missier Etern għaliex telqu, għaliex ħeba wiċċu minnu.
Dan hu deżert assolut li għal min jemmen jaf ikun akbar mill-ħajja. Iebes tgħix f’deżert ta’ nixfa, prova, silenzju… l-isbaħ parti meta temmen bi sħiħ li dan id-deżert se jwasslek lejn xi ħaġa ġdida.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 1 ta’ April, 2026.