Lokali Qorti

Somalu jingħata erba’ snin ħabs wara li seraq anzjan fil-Ħamrun

Żagħżugħ mingħajr saqaf fuq rasu kien ikkundannat erba’ snin ħabs wara li ammetta li seraq anzjan.

Farhan Adan Mohamed, li huwa Somalu u għandu 26 sena, ammetta li seraq b’mod aggravat lil anzjan ta’ 74 sena hekk kif imbuttah, ħadlu l-kartiera li kien fiha elf ewro. Bir-riżultat illi l-vittma sofra minn ġrieħi ħfief.

Mohamed kien anke akkużat li joqgħod barra u anke jittallab għall-flus f’post pubbliku.

Il-prosekuzzjoni spjegat li nhar is-27 ta’ Frar, il-Pulizija kienu nfurmati b’serqa li saret fil-Ħamrun. Fejn il-vittma li kien anzjan spjega li waqt li kien qiegħed bilqegħda, barrani avviċinah waqt li hu kellu l-kartiera f’idejh. Dan, beda jitolbu l-flus u għalhekk l-anzjan kien skomdu u qam sabiex jitlaq mill-post.

F’dak il-ħin, l-imputat imbuttah u ħadlu l-kartiera li kien fiha elf ewro, u li kien ġibed il-pensjoni sabiex ikun jista’ jħallas xi kontijiet.

L-imputat deher f’CCTV camera u kien arrestat waqt li l-Pulizija kienu qed jagħmlu r-ronda fil-Marsa.