Lokali Qorti

Turist jinstab ħati li ffastidja waitress f’bar

Slovakk ta’ 35 kien illiberat bil-kundizzjonijiet wara li nstab ħati li ffastidja waitress f’bar f’Tas-Sliema.

Turist kien mixli li bejn it-23 u l-25 ta’ Lulju 2025, ffastidja waitress billi wettaq att indiċenti fuqha, segwiha u anke beżżagħha bl-atteġġjament tiegħu.

Fil-Qorti ħareġ kif dan it-turist ġie f’pajjiżna għal 3 ġimgħat u li fit-23 ta’ Lulju l-waitress kienet skomda bil-ħars kontinwu tiegħu. fl-24 ta’ Lulju hi ma kinitx xogħol iżda fil-25 Lulju avviċinaha meta rritornat għax-xogħol fejn huwa biesha fuq wiċċha u anke baqa’ jsegwiha tant li l-uffiċjali tas-sigurtà talbuh jitlaq.

Madanakollu, fis-26 ta’ Lulju, ma kinitx xogħol imma marret fil-post ma’ sħabha, fejn sabet lir-raġel hemm u saħanistra missierha qallu biex jitlaq, iżda meta dan ma semax issejjħu l-Pulzija. Ir-raġel mar lura l-post, u ġie arrestat.

It-turist instab ħati bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien 3 snin wara li kien ikkunsidrat rapport imħejji minn psikjatra li kkonkludiet li r-raġel ibati minn diżordni.