Lokali Qorti

28 xahar ħabs għal raġel li kien involut f’ħasil ta’ flus u traffikar ta’ droga

Aliou Tijane Wade, ta’ 28 sena ġie ngħata 28 xahar ħabs flimkien ma’ multa ta’ €22,000 wara li ammetta akkużi serji relatati ma’ traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus. Waqt seduta fil-Qorti fi Frar tal-2026, ir-raġel ammetta l-akkużi kontrih.

Nhar il-Ħamis 26 ta’ Marzu, il-qorti semgħet kif Wade kien involut fit-traffikar ta’ diversi tipi ta’ droga, inkluż ecstasy, kokajina u cannabis f’Awwissu 2025, prinċipalment fiż-żona ta’ Paceville.

Skont il-provi, instabu fil-pussess tiegħu 35 gramma THC maqsuma f’50 pakkett, 10 grammi kokajina f’37 borża, u 106 pilloli tal-ecstasy. Il-qorti nnotat li dawn instabu f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinux għall-użu personali tiegħu.

Fis-sentenza tagħha, il-qorti kkundannatu għal 28 xahar ħabs effettiv, u mmultatu €22,000.

Il-qorti ordnat ukoll il-konfiska ta’ flus kontanti, inkluż €750, $100 u 100 denar Maċedonjan, flimkien ma’ mobile u SIM cards. Barra minn hekk, ġiet ordnata l-konfiska ta’ kull proprjetà tiegħu favur il-Gvern, kif ukoll il-qerda tad-droga kollha maqbuda.

Wade ġie wkoll ordnat iħallas aktar minn €3,800 fi spejjeż relatati mal-esperti involuti fil-każ.

Il-Maġistrat Nadia Helena Vella tat is-sentenza.