Għaddew 50 sena mill-musical Malti ‘Ikun li Trid Int’ – bi kliem tal-Professur Manwel Mifsud u mużika ta’ Therese Cassar.
Dan il-musical kien inbeda fost numru ta’ żgħażagħ mimlijin kreattività u enerġija – bl-ewwel interpretazzjoni tiegħu isir fis-Santwarju tal-Madonna tal-Għar fil-Mellieħa fis-snin 70.
L-awtur, Manwel Mifsud, sostna li minn sena għall-oħra dan il-musical jibqa’ relevanti – fejn diversi gruppi teatrali u parroċċi jiddeċiedu li jtellghu dan l-ispettaklu.

Iżda mhux biss hekk kif taħt l-arraġament tal-Maestro Paul Abela, dan ix-xogħol kien mtella tul is-snin minn diversi orkestri kif ukoll korijiet.
Dan ix-xogħol saħansitra ġie mtella’ fis-Sydney Royal Opera House, fl-Awstralja.
Ma’ Net News, Mifsud saħaq li dan hu xogħol li jressaqna qrib l-istorja ta’ Ġesù iżda, partikolarment għal dak iż-żmien, jagħtiha xeħta moderna.
Huwa insista li s-suġġett ta’ ‘Ikun dak li trid int’ huwa wieħed mifrux ħafna; mhux biss fl-iskrittura mqaddsa, iżda anke f’diversi reliġijonijiet oħrajn, fosthom l-Islam.
Intant, mistoqsi x’messaġġ jixtieq li l-udjenzi li jsegwu dan ix-xogħol jieħdu magħhom, huwa insista li t-tifsira tal-paċenzja u paċi hija essenzjali fejn anke meta nkunu mimlijin korla nkunu kapaċi nikkalmaw u naraw il-ħajja b’aktar ċarezza.



