Lokali

Appell minn Patri Marcellino Micallef għal solidarjetà fi żmien il-Għid

Il-Ġimgħa l-Kbira hija tul is-sena kollha, ejja nuru solidarjetà ma’ min kull jum li jgħaddi jkollu jħabbat wiċċu ma sofferenzi kbar, mhux biss fiżiċi imma anke mentali.

Sostna dan Patri Marcellino Micallef mis-Soup Kitchen tal-Belt Valletta illi insista ma’ Net News li f’dan il-perjodu ta’ Ġimgħa Mqaddsa irridu niftakru fit-tbatija ta’ Ġesù li ħallas bl-umiljazjoni, is-swat u l-mewt tiegħu sabiex jeħlisna mid-dnub.

Dan filwaqt li appella biex nisimgħu l-karba tal-batut.

Patri Marcellino spjega li bħala soup kitchen din tilqa’ mal-100 persuna kuljum fejn mhux biss imorru għall-ikel iżda wkoll għall-kumpanija – persuni li jew ibatu minn sofferenzi mentali jew qed jisieltu ma’ vizzju ta’ sustanza….kif ukoll persuni li jinsabu mjassra mill-qerda tal-użura. Dan filwaqt li għamilha ċara li l-isfidi jolqtu lil kulħadd, kemm żgħażagħ kif ukoll anzjani, kemm min kellu ħafna ġid kif ukoll dawk li sa minn dejjem ir-realtà tagħhom kienet ta’ sfida.

Dan filwaqt li fakkar kif filwaqt li fil-perjodu tal-Għid Imqaddes ikun qiegħed igawdih mal-qraba u ħbieb – sfortunatament hawn min se jkollu jqatta’ dawn il-jiem fis-solitudni.

Għaldaqstant għandna nkunu solidali mal-proxxmu, u nagħtu ħsieb lil dak li jkun.