Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew esprimiet tħassib dwar l-implimentazzjoni tal-Fondi Ewropej li qed jingħataw lill-Gvern fejn wissiet li ċert dgħjufija fis-sistema ġudizzjarja tista’ thedded t-trasparenza, il-kontabbiltà u l-użu b’mod aktar għaqli ta’ flus il-poplu.
Il-Mexxej tad-Delegazzjoni Tomáš Zdechovský insista li l-għan wara din iż-żjara kienet sabiex jiġi osservat kif il-Fondi Ewropej qed jitqassmu u jiġu protetti.
Madanakollu insistiet li hemm numru ta’ sfidi ġejjin mis-sistema ġudizzjarja li ma jistgħux jiġu injorati.
Filwaqt li l-Awtoritajiet Maltin ippreżentaw tbassir pożittiv, id-delegazzjoni kkonkludiet li għad fadal numru ta’ miżuri x’jittieħdu sabiex jiġu żgurati l-kontabbiltà u konformità sħiħa.
Id-Delegazzjoni stmat li fl-2025, Malta kellha 17-il każ attiv li kienu qed jiġu investigati mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li b’kollox ilaħqu madwar €235 miljun f’danni – liema ċifri jistgħu biss jikkomparaw ma’ pajjiżi li għandhom popolazzjonijiet bil-wisq akbar.
Dan filwaqt li preċiżaw li l-każi t’allegati frodi f’Malta ma jidhrux li jkunu konklużi b’mod adegwat mis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna u għalhekk appellaw għal aktar infurzar.
Kien innotat kif f’pajjiżna hawn nuqqas ta’ trasparenza b’rabta ma kif jintefqu l-fondi pubbliċi, u ntqal kif waqt li l-awtoritajiet qed ipenġu stampa mod, intqal mod ieħor mis-soċjetà ċivili.
Dan hekk kif intqal kif każijiet ta’ korruzzjoni b’rabta ma’ persuni poter ma jkunux finalizzati fi żmien stipulat u xieraq, kif ukoll ġie elenkat il-fatt inkwetanti b’rabta man-nuqqas ta’ trasparenza – partikolarment b’rabta mal-fatt li l-Prim Ministru u l-bqija tal-Kabinett ma jridux jippubblikaw l-assi tagħhom.
Id-delegazzjoni wissiet li l-fondi Ewropej huma riservati għaċ-ċittadini u negozji Maltin u Għawdxin…u mhux għaċ-ċirku tal-qalba tal-politiċi – għalhekk sar appell għal trasparenza akbar u garanzija ta’ aċċess ta’ informazzjoni.
Dan bil-għan li Malta tevita xenarji bħal ma qed naraw fl-Ungerija u l-Islovakkja.
Filwaqt li ntqal li sar titjib f’ċertu setturi, id-delegazzjoni insistiet li se tkun qed tkompli twettaq il-monitoraġġ tagħha fix-xhur li ġejjin.
Preżenti għal din il-laqgħa fejn ingħata dan ir-rapport kien hemm ukoll il-Membru Parlamentari Ewropew Peter Agius.
//= $special ?>

