Fit-tmiem tal-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-MFA, u li saret illum wara nofs in-nhar, l-assoċċazzjoni tal-futbol f’pajjiżna ħarġet stqarrija biex tagħraf il‑kunsiderazzjonijiet pubbliċi dwar l‑iskema ta’ għajnuna li tgħin madwar 160 tifel u tifla minn familji li qed jiffaċċjaw diffikultajiet soċjali u finanzjarji biex ikunu jistgħu jattendu nurseries tal‑futbol.
F’din il-laqgħa tal-lum, li saret fis-Sala taċ-Ċentinarju, f’Ta’Qali, l-MFA ħabbret it‑twaqqif ta’ Kumitat ta’ Sponsorship fil‑Livell tal‑Grassroots. Dan il‑kumitat se jkun responsabbli li jfassal linji gwida u jagħti pariri dwar is‑sponsorships u l‑involviment tat‑tfal, sabiex ikun hemm koordinazzjoni bejn il‑partijiet kollha u jiġu protetti l‑ġid, l‑iżvilupp u l‑interessi tat‑tfal parteċipanti. Il‑kumitat se jkun immexxi mill‑Professur Andrew Azzopardi, b’membri maħtura mill‑MFA, l‑Assoċjazzjoni tal‑Futbol tat‑Tfal (YFA), il‑Kummissarju għat‑Tfal, Oasi, Sedqa, Caritas u msieħba oħra.
L-MFA se tkun qed tpoġġi ir-riżorsi interni għad‑dispożizzjoni ta’ dan il-kumitat ġdid, biex tassigura governanza b’saħħitha, protezzjoni, trasparenza u responsabbiltà. Dan jinkludi termini ta’ referenza ċari, rapporti regolari u miri konkreti biex jiġu protetti t‑tfal, jiġu promossi sponsorships responsabbli u tinżamm l‑integrità tal‑futbol fil‑livell tal‑grassroots.
L-MFA temmet l-istqarrija tagħha billi saħqet li bħala assoċjazzjoni sportiva, tapprezza ir-rispons kostruttiv u se tkompli taħdem biex tittrasforma dan ir-rispons f’azzjonijiet konkreti li jtejbu u jsaħħu inizjattivi pożittivi.
//= $special ?>

