Internazzjonali

Il-bastiment Metagaz jinsab abbandunat f’nofs ċiklun

Żvolta fis-sitwazzjoni tat-tanker Russu Arctic Metagaz, hekk kif rapporti internazzjonali qed jindikaw li minflok daħlu l-bastiment f’port, l-awtoritajiet Libjani abbandunaw il-missjoni ta’ salvataġġ u għal darb’oħra ħallew it-tanker ifendi għal riħu f’nofs il-baħar Mediterran.

L-istess rapporti qed jindikaw li l-bastiment kien abbandunat ftit ‘il barra miz-zona SAR Maltija; bl-analisti qed jisħqu li meta kien qed jinġibed mill-awtoritajiet Libjani saritlu aktar ħsara – bil-konsegwenza li qed jegħreq b’rata aktar mgħaġġla.

Dan f’nofs ċiklun li qiegħed jaħkem ir-reġjun, bil-periklu jiżdied li jista’ jkun hemm konsegwenzi ambjentali katastrofiċi.

Intant, kelliema għall-Forzi Armati ta’ Malta spjegaw li qed josservaw is-sitwazzjoni u li għaddejjin b’ħidma ta’ monitoraġġ flimkien mal-awtoritajiet kompetenti Ewropej.

Fuq il-bastiment huwa stmat li hemm abbord bejn 700 u 900 tunnellata ta’ diesel u heavy fuel oil kif ukoll żewġ tankijiet LNG li jlaħqu madwar 140,000 metru kubu.

Dan it-tanker kien ġie attakkat fit-3 ta’ Marzu li għadda; aktarx minn sea-drones Ukreni. U għal numru ta’ ġranet it-tanker kien anke riesaq lejn pajjiżna. Iżda imbgħad, kien tkaxkar mill-mewġ qawwi lejn in-naħa tan-nofsinhar.