F’Ħamis ix-Xirka jingħata bidu għat-tridu tal-Għid – tlett ijiem li matulhom infakkru l-Passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, saċ-ċelebrazzjoni tal-qawmien tiegħu mill-mewt fl-Għid il-Kbir.
Dalgħodu, se ssir iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, fil-Belt Valletta.
Din il-konċelebrazzjoni solenni titmexxa mill-Arċisqof Charles Scicluna flimkien mas-saċerdoti tad-djoċesi.
Waqt din il-quddiesa jsir il-konsagrazzjoni taż-żjut qaddisa li mbagħad jintużaw fil-parroċċi kollha madwar Malta fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Magħmudija, tal-Griżma tal-Isqof u tal-Griżma tal-Morda.
Fil-jum ta’ Ħamis ix-Xirka, l-knejjes filgħodu ma jiftħux – u allura, din tkun l-unika ċelebrazzjoni Ewkaristika. Sabiex imbgħad, fiċ-ċelebrazzjoni ta’ filgħaxija, il-parroċċi kollha jfakkru t-twaqqif tal-Ewkaristija Mqaddsa.
Fl-istess quddiesa, isir il-ħasil tas-saqajn li jfakkarna fil-mument li fih Ġesu ħasel saqajn l-appostli qabel ma beda t-triq tal-passjoni.
Intant, tard illejla jibdew il-viżti fil-knejjes; b’talb li jsir quddiem l-artal tar-repożizzjoni li jkun imżejjen b’mod solenni.
//= $special ?>

