Fil-Ġimgħa l-Kbira se nkunu qed insegwu l-istejjer ta’ mijjiet ta’ persuni li b’xi mod jew ieħor, Puttinu għamel differenza fil-ħajja tagħhom. U waħda minnhom hi Danett Agius.
Meta kellha 22 ġimgħa tqala bit-tifel tagħha Trevor, it-tobba kienu qalu lil Danett li ladarba twelled… binha ma kienx se jgħix minħabba li kellu diversi kumplikazzjonijiet fl-organi; fosthom f’qalbu u fl-istonku.
Minkejja dan, Danett ma qatgħetx qalbha u qaltilna kif minkejja l-aħbar negattiva li kienet ingħatat .. xorta waħda baqgħet determinata li tkompli bit-tqala tagħha u tagħmel minn kollox biex tagħti lil binha ċ-ċans li jgħix.
Meta kellha 31 ġimgħa tqala, l-omm marret Londra fejn komplew isirulha l-iscans u l-proċeduri li kellha bżonn.
Fis-16 ta’ Awwissu tal-2022 welldet liċ-ċkejken Trevor – li minnufih beda jingħata kura speċjalizzata. Danett u binha damu Londra għal madwar 10 xhur fejn kompla jirċievi t-trattament li kellu bżonn.
L-omm irrimarkat li meta saret taf li kellha bżonn titla’ Londra sabet appoġġ kbir mingħand Puttinu Cares – li offrielhom akkomodazzjoni u kien sors kontinwu ta’ kuraġġ, tama u sapport morali f’dan il-vjaġġ mill-aktar diffiċli u delikat.
Din hija waħda mill-ħafna esperjenzi ta’ nies li missew ma’ Puttinu Cares.
Il-maratona ta’ Puttinu tixxandar fil-Ġimgħa l-Kbira fuq l-istazzjonijiet lokali, fosthom Net Television, bejn id-9am u t-3pm. U tkompli tard filgħaxija, wara t-8pm.
//= $special ?>

