Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon il-passi li ħadet l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA) wara l-baraxx ta’ kritika li qanqlet id-deċiżjoni tal-Gvern li juża lill-awtorità tal-kannabis biex jisponsorja n-nurseries tal-futbol tat-tfal.
Il-ħatra ta’ working group immirat li jipprovdi linji gwida f’każi simili ta’ sponsorships u affiljazzjonijiet huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, kif inhija d-deċiżjoni li dan il-kumitat ikun immexxi mill-Professur Andrew Azzopardi u jinkludi rappreżentanti mill-Caritas Malta, l-Aġenzija Sedqa, il-Fondazzjoni OASI u l-uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal li ħafna minnhom semmgħu leħinhom kontra din id-deċiżjoni.
B’dak li għamlet illum, l-MFA tat eżempju lill-Gvern kif għandhom isiru l-affarijiet. Il-Malta Football Association għamlet dak li l-Gvern ta’ Robert Abela, l-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC), il-Ministru Grima u s-Segretarju Parlamentari Buttigieg għadhom ma għamlux.
Hija ħasra li sa issa s-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg u l-istess ARUC għadhom qed jiddefendu d-deċiżjoni li ħadu minflok jammettu li sar żball, kif qalu diversi organizzazzjonijiet li kkritikaw dan il-ftehim, fosthom l-istess Caritas, l-OASI, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Youth Workers u l-assoċjazzjonijiet ta’ min ħaddem fi ħdan l-MCESD (il-Malta Employers, il-Kamra tal-Kummerċ, MHRA u l-Kamra tal-SMEs).
Hija ħasra wkoll li l-Ministru Clifton Grima, li huwa responsabbli mill-qasam tal-isport, kulma kellu xi jgħid dwar dan il-każ kien li din kienet “deċiżjoni li ttieħdet b’nuqqas ta’ viżjoni fit-tul”.
Min ħa din id-deċiżjoni ma għandux idea ta’ sport, u bagħat l-agħar messaġġ lit-tfal tagħna. L-użu tal-kannabis u sustanzi oħra, u l-awtorità sinonima mal-legalizzazzjoni tal-ħaxixa, qatt ma jistgħu b’xi mod ikunu viċini tal-isport. Aħseb u ara kemm għandhom jintrabtu man-nurseries tal-futbol li fihom qegħdin jitrawmu t-tfal.
//= $special ?>

