Knisja Lokali

“Inkunu xhieda tal-fidwa quddiem id-dinja” – l-Arċisqof Charles Scicluna

Ritratt: Martin Agius

“Inkunu xhieda tal-fidwa quddiem id-dinja. Inħossu l-effett tal-fidwa f’ruħna, f’qalbna u f’ħajjitna. Qabel inkunu ta’ xhieda tal-fidwa ejjew inkunu l-mifdijin. Ejjew nitolbu lill-mulej isaffina, ifarraġna u jsalvana u b’hekk inkunu radikalment xhieda tal-fidwa quddiem id-dinja.

Dan kien il-messaġġ li wassal l-Arċisqof Charles Scicluna meta l-Ħamis filgħodu flimkien mas-saċerdoti tad-djoċesi mexxa ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija f’Ħamis ix-Xirka, fil-Konatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

Waqt din il-quddiesa saret il-konsagrazzjoni taż-żjut qaddisa. Liema żjut imbagħad jintużaw fil-parroċċi kollha madwar Malta fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Magħmudija, tal-Griżma tal-Isqof u tal-Griżma tal-Morda. Fl-istess quddiesa, sar ukoll il-ħasil tas-saqajn li jfakkarna fil-mument li fih Ġesu ħasel saqajn l-appostli qabel ma beda t-triq tal-passjoni.

Waqt l-omelija l-Arċisqof Charles Scicluna sostna ” jeħtieġ li niġġeddu fl-identita tagħna. il-missjoni ta’ ġesu hija tagħna l-magħżulin li nieħdu sehem fil-kosagrazzjoni tiegħu. Qal li bħala nsara għandna niffaċilitaw li l-ħniena t’alla tasal fil-qalb ta’ kulħadd.

Fil-jum ta’ Ħamis ix-Xirka, l-knejjes filghodu ma jiftħux – u allura, din kienet l-unika celebrazzjoni Ewkaristika li saret.

F’Ħamis ix-Xirka jingħata bidu għat-tridu tal-Għid – tlett ijiem li matulhom infakkru l-Passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, saċ-ċelebrazzjoni tal-qawmien tiegħu mill-mewt fl-Għid il-Kbir.

Din il-quddiesa tenfasizza wkoll l-għaqda saċerdotali bejn l-Isqof u s-saċerdoti tad-djoċesi fejn matulha jiġġeddu l-wegħdiet tal-ordinazzjoni saċerdotali.