Knisja Lokali

Issir iċ-ċerimonja tat-tberik taż-żjut

Il-Quddiesa tal-Griżma bit-tberik taż-żjut, immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna f’Ħamis ix-Xirka filgħodu, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. Il-konċelebranti kienu jinkludu n-Nunzju Appostoliku ta’ Kuba Antoine Camilleri, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, l-Arċisqof Emeritu ta’ Tirana-Durrës George Frendo OP, l-Isqof Emeritu ta’ Garissa Joseph Alessandro OFM Cap, provinċjali reliġjużi, u għadd ta’ saċerdoti djoċesani u reliġjużi.

Din hija l‑unika quddiesa li tiġi ċċelebrata f’Ħamis ix‑Xirka filgħodu fl-Arċidjoċesi ta’ Malta, fejn l-Arċisqof u s-saċerdoti kollha tad-djoċesi jġeddu l-wegħdiet li għamlu dakinhar tal‑ordinazzjoni saċerdotali tagħhom. Matul il-quddiesa jitbierku ż‑żjut li jintużaw fiċ‑ċelebrazzjoni tas‑sagramenti jew riti oħra tal-Knisja matul is‑sena sa Ħamis ix‑Xirka ieħor. L-ewwel ma jitbierek huwa ż-żejt li se jintuża fil-Griżma tal-Morda, imbagħad jitbierek iż-żejt li jintuża fir-riti ta’ qabel fis-Sagrament tal-Magħmudija, u fl-aħħar jiġi kkonsagrat iż-żejt li se jintuża biex jindilku persuni, oġġetti jew postijiet li jiġu kkonsagrati lil Alla.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Charles Scicluna fakkar lis-saċerdoti li “l-konsagrazzjoni mhix ġejja minna imma hi inizjattiva ta’ Alla li kkonsagra lil ibnu.”

Stedinhom ikunu xhieda kredibbli u awtentiċi tal-fidwa, bħala l-mifdijin tal-Mulej, biex ikun jista’ jidħol fid-dgħufija u l-fraġilità tagħhom u l-ħniena tagħhom tasal fil-qlub tan-nies. Fl-aħħar, talab b’mod speċjali biex il-Mulej jieħu ħsieb il-Knisja tiegħu madwar id-dinja kollha u biex il-Mulej “jagħti d-don tas-saċerdozju ministerjali li f’ismu jaħfer id-dnubiet u f’ismu jagħti lid-dinja d-don tal-Ewkaristija”.

Stieden lill-miġegħma titlob ukoll skont l-intenzjoni tal-Paja Ljun XIV għal dawk is-saċerdoti li jinsabu fi kriżi. “Il-kriżi mhux bilfors għandha eżitu negattiv. Il-kriżi hija mument fejn wieħed jieqaf u jagħmel għażla. Ejjew nitolbu għal kull wieħed minna, għal sħabna, biex meta l-Mulej jaffaċċjana b’dawn l-għażliet nagħżlu tajjeb, skont ir-rieda tiegħu u nkunu dejjem ta’ sapport għal xulxin.”