Lokali

Kor barrani fostna

Il-Fondazzjoni Kulturali Papa San Ġwanni Pawlu II magħruf bħala (JP2) se tospita l-Kor minn Wrlsh “Côr y Gleision”. Nhar il-Ġimgħa 10 ta’ April 2026, il-kor se jagħmel kunċert fil-beraħ fuq it-Taraġ tal-Katidral fiċ-Ċittadella ta’ Għawdex li jibda fis-sagħtejn ta’ wara nofsinhar. Filwaqt li nhar is-Sibt 11 ta’ April 2026, il-kor se jagħmel kunċert ieħor fil-beraħ, din id-darba fl-Imdina, Malta, li jibda fis-2.3 pm fi Pjazza l-Bastjun, u wara fit-3pm, ftit metri ‘l bogħod, kunċert b’repertorju reliġjuż fil-knisja tal-Madonna tal-Karmnu.

Il-kor twaqqaf fl-2006 bħala parti mis-sensiela S4C “Codi Canu”, li kellha l-għan li tħeġġeġ lis-supporters tar-rugby biex iġibu lura bil-kant tradizzjonali Welsh. Ħafna membri qatt ma kienu kantaw f’kor qabel, iżda sabu l-esperjenza tant pożittiva li, għalkemm “Codi Canu” spiċċa fl-2008, il-kor kompla jikber u jiżviluppa. Ġibed membri ġodda u żied ħafna r-repertorju tiegħu.

Il-kor issa għandu aktar minn 120 membru. Is-sħubija fil-kor hija miftuħa għal kulħadd, irrispettivament mill-età, is-sess, ir-reliġjon jew l-etniċità. M’hemm l-ebda rekwiżit li tkun kantajt f’xi kor qabel, kull ma nitolbuk hu li tkun tista’ żżomm nota!

Il-kor igawdi kalendarju varjat ta’ avvenimenti, minn kant f’logħbiet reġjonali u internazzjonali tar-rugby sa wirjiet u kompetizzjonijiet f’festivals korali reġjonali u nazzjonali. Il-kor jagħmel ukoll tours kull sentejn, u sal-lum gawda minn wirjiet memorabbli fi Spanja, l-Iskozja u l-Belġju. Fl-2018 il-kor ivvjaġġa lejn Ontario, il-Kanada biex ikanta fil-festival tal-kanzunetta Welsh ta’ Ontario.