Opinjoni

Opinjoni: Id f’id mal-Mostin – Tmexxija b’viżjoni għal futur sostenibbli

It-tmexxija ta’ lokalità bħal Mosta mhix biss amministrazzjoni ta’ kuljum, iżda impenn lejn futur aħjar mibni fuq l-għeruq sodi tal-istorja tagħna

Joseph Gatt
Sindku Mosta

Mill-ewwel ġurnata ta’ dan il-Kunsill il-ġdid, ħdimna b’għan ċar: li noffru tmexxija li tkun viċn in-nies, soda fid-deċżjonijiet u trasparenti fl-għemil tagħha.
Iva, sibna sfidi kbar quddiemna, fosthom sitwazzjoni finanzjarja diffiċli b’dejn li wara analiżi dettaljata laħaq madwar miljun ewro f’kontijiet pendenti. Iżda dawn l-isfidi ma kinux ostaklu – kienu punt tat-tluq. Għax nemmnu li tmexxija vera titkejjel mhux minn dak li ssib, imma minn kif twieġeb u fejn twassal.

Riġenerazzjoni Ambjentali: Investiment fil-Kwalità tal-Ħajja
Il-viżjoni tagħna għal Mosta aktar sostenibbli tibda mill-ambjent. Spazji miftuħa ta’ kwalità mhumiex lussu, iżda dritt għall-familji Mostin. Huwa għalhekk li tajna prijorità assoluta lil proġetti ambjentali, kemm ġodda kif ukoll dawk li ġew ikkompletati.
Bħalissa għaddej b’pass mgħaġġel il-proġett ta’ Ġnien il-Mitħna l-Qadima, flimkien ma’ pjanti lesti fuq il-Belvedere fi Ġnien l-Għarusa tal-Mosta, kif ukoll ir-riġenerazzjoni tal-ġibjun ta’ Mlit. Il-proġett tal-Mitħna l-Qadima qed jiġi mibni mill-qigħ nett: ix-xogħol infrastrutturali kollu fl-art, is-sistemi moderni tad-dawl u s-servizzi essenzjali tlestew b’suċċess.
Issa l-ħidma qed tiffoka fuq il-cladding, pass kruċjali biex l-ispazju jkollu estetika li tixraq lill-qalba tal-Mosta. Iżda l-qofol ta’ dan il-proġett għadu ġej: permezz tal-kollaborazzjoni b’saħħitha ma’ Project Green, se jitħawlu numru kbir ta’ siġar u arbuxelli biex dan il-ġnien isir veru pulmun aħdar għal-lokalità tagħna. Dan hu eżempju ċar ta’ kif, meta l-Kunsill jaħdem b’viżjoni u f’sinerġija ma’ entitajiet tal-Gvern, nistgħu nwettqu proġetti li jibqgħu ta’ġid għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Infrastruttura: Nerġgħu Nagħtu l-Mosta d-Dinjità li Tixraqilha
Wieħed mill-ewwel passi tagħna kien li nsaħħu mill-ġdid il-pedamenti amministrattivi tal-lokalità. Mal-ħatra tagħna sibna li diversi proġetti importanti ta’ pavimentar f’toroq bħal Dun Mikiel Xerri, San Anton Abbati, Sqaq ta’ Bufula Ħamra u Charles J. Vassallo kienu tneħħew mill-framework tal-Public Works fil-leġiżlatura preċdenti u b’hekk il-Mosta kienet qed titlef aċċess għal riżorsi essenzjali.
Aġixxejna immedjatament. Dawn il-proġetti reġgħu ddaħħlu fil-framework u llum qed naraw il-bidu ta’ pjan infrastrutturali aktar wiesa’ li se jkompli jindirizza toroq li ilhom snin jistennew intervent serju u mill-qiegħ.
Tkellimna wkoll ma’ Infrastructure Malta fejn daħħalna `l fuq minn għaxar toroq oħra għal-lista ta’ xogħlijiet bejn l-2026 u l-2027.
Bl-istess impenn, wettaqna pjan ta’ pavimentar fl-inħawi tal-Kappella ta’ Sant’Andrija fiż-żona tal-Qares. Barra minn hekk, permezz ta’ Memorandum of Understanding mal-Awtorità tal-Artijiet, il-Kunsill jinsab lest biex jiżviluppa spazji rikreattivi ġodda li jirrispettaw il-patrimonju storiku tagħna filwaqt li joffru faċlitajiet moderni u aċċessibbli.
Fosthom, is-sit ta’ Mlit, qed inpoġġu l-bażi biex dan l-ispazju jiġi mmaniġġjat b’mod sostenibbli u jservi bħala riżorsa ambjentali u rikreattiva għall-komunità Mostija, filwaqt li fl-istess sit se jiġu miżjuda wkoll bandli u ġnien permezz ta’ inizjattiva konġunta ta’ Project Green u l-Kunsill Lokali.

Komunità aktar b’saħħitha, servizzi aktar viċn in-nies
Il-qawwa ta’ Kunsill Lokali tinsab fil-komunità tiegħu. Għalhekk, bħala Sindku, flimkien mal-kunsilliera, qed nagħmlu minn kollox biex inżommu kuntatt dirett u kontinwu mar-residenti. Mil-laqgħat mal-anzjani u l-Assoċazzjoni Nanniet Malta, sal-involviment tat-tfal permezz tal-Kunsill tat-Tfal, qed nibnu Mosta fejn kull vuċi tinstema’ u kull ġenerazzjoni tħoss ruħha parti mid-deċiżjonijiet.
Dan l-ispirtu ta’ għaqda deher b’mod ċar matul il-festi tal-Milied.
Minkejja l-isfidi li sibna fil-proċess tat-tender tad-dwal ftit ġimgħat biss qabel Diċembru, b’azzjoni rapida u kollaborazzjoni mal-komunità, irnexxielna nixgħelu l-Mosta u noħolqu attivitajiet li ġabu ferħ lil eluf ta’ familji.
Fil-qasam tal-mobbiltà, wara diskussjonijiet sostanzjali ma’ Transport Malta, irnexxielna ntejbu s-servizz tax-xarabank numru 47, li issa qed topera kull 20 minuta. Dan huwa pass konkret lejn trasport pubbliku aktar effiċjenti u sostenibbli għall-Mostin li jaħdmu jew jistudjaw il-Belt. Żidna wkoll diversi toroq ma’ Infrastructure Malta, fosthom Triq il-Għasel, Torri, Qasira, St. Anna u toroq oħra.

Inħarsu ’l Quddiem
Filwaqt li nħarsu b’sodisfazzjon lejn it-tarmak li ntefa’ fi Triq is-Sgħajtar, Vjal Ragusa u ż-żona ta’ Santa Margerita, aħna konxji li dan huwa biss pass ieħor f’mixja itwal.
Il-ħidma tagħna ma tieqaf qatt.
L-impenn tiegħi u tal-Kunsill kollu huwa li nibqgħu nħabbtu kull bieb, infittxu kull opportunità u kull skema ta’ finanzjament possibbli, u naħdmu bla waqfien biex negħlbu l-isfidi li sibna u nibnu Mosta li tkun aktar moderna, sostenibbli u ġusta għal kulħadd.
Grazzi talli qed tkunu parti minn din il-viżjoni. Flimkien, b’għaqal, determinazzjoni u mħabba lejn il-lokalità tagħna, se nkomplu nagħmlu l-Mosta post aħjar illum u għal dawk li se jiġu warajna.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 29 ta’ Marzu, 2026.