Opinjoni

Opinjoni: Il-futur imċajpar tan-NATO

It-theddida ta’ Trump li effettivament joqtol in-NATO għandha tittieħed bis-serjetà li jixraqilha
Huwa ċar ukoll li l-Unjoni Ewropea, li għadha s’issa tittamma li tista’ taħdem ma’ Trump, qed biss turi dgħjufija kbira fil-konfront tas-sitwazzjoni

Angelo Micallef

Il-futur tal-alleanza militari tan-NATO jinsab imċajpar bil-kbir. Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Marco Rubio, li normalment hu aktar kawt u prudenti fi kliemu mill-President Donald Trump stqarr li, “I think there’s no doubt that, unfortunately, once this conflict is over, we’ll have to take a fresh look at that relationship. We’ll need to reconsider what NATO brings to our country within that alliance”.
Il-kliem ta’ Rubio jiġi fl-isfond ta’ numru ta’ pajjiżi Ewropej fosthom Spanja, l-Italja, Franza u r-Renju Unit jirrifjutaw li jkollhom x’jaqsmu mal-gwerra tal-Istati Uniti kontra l-Iran. Jiġi wkoll fl-isfond ta’ bosta stqarrijiet ta’ theddid xejn sottili, mill-President Trump fil-konfront tal-alleati Ewropej.
Fil-fatt fl-aħħar 48 siegħa, il-President Trump fil-mezzi soċjali qal lir-Renju Unit biex, “You’ll have to start learning how to fight for yourself, the U.S.A. won’t be there to help you anymore, just like you weren’t there for us. Iran has been, essentially, decimated. The hard part is done. Go get your own oil! President DJT”, u lil Franza qalilhom li, “France has been VERY UNHELPFUL with respect to the ‘Butcher of Iran,’ who has been successfully eliminated! The U.S.A. will REMEMBER!!!”.
Ċar kristall li Trump ma jemminx fl-importanza tal-alleanza bejn l-Istati Uniti u l-pajjiżi Ewropej. Huwa ċar li Trump hu determinat li jiżola lill-Istati Uniti għal rasha, għajr għall-alleanza ma’ pajjiżi bħal Iżrael (li fl-aħħar jiem introduċiet il-piena kapitali għall-Palestinjani biss), l-Ungerija (li taħt Orban huwa alleat li kienet twassal x’intqal fil-Kunsill Ewropew lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu) u naturalment ir-Russja (li ilha aktar minn erba’ snin bi gwerra ta’ aggressjoni kontra l-istat sovran tal-Ukrajna.
Huwa ċar ukoll li l-Unjoni Ewropea, li għadha s’issa tittamma li tista’ taħdem ma’ Trump, qed biss turi dgħjufija kbira fil-konfront tas-sitwazzjoni. Huwa ċar li l-Istati Uniti, sakemm tibqa’ taħt it-tmexxija tar-Republikani ta’ Trump, la hija alleat ekonomiku u wisq iktar alleat politiku u militari. Huwa ċar li mal-Istati Uniti jekk ma’ naċċettawx li nkunu paljazza, se ngħixu f’dinja ta’ theddid mill-White House.
Huwa ċar li jeħtieġ li nifhmu r-realtà ġdida u nibdew nibnu u naħdmu għaliha. Irridu nestendu l-viżjoni tagħna lil hinn minn Washington u nibdew inħarsu lejn pajjiżi bħall-Kanada, l-Indja u l-Golf Għarbi biex tassew naraw li ma nibqgħux dipendenti fuq it-temperamentaliżmu ta’ Trump.

Ir-realtà
It-theddida ta’ Trump li effettivament joqtol in-NATO għandha tittieħed bis-serjetà li jixraqilha. Il-kliem li l-Istati Uniti mhix se tgħin aktar, għandu jittieħed bħal turija ta’ intenzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar l-Istati Uniti m’għandha l-ebda obbligu li tkun parti min-NATO jew li tgħin b’xi mod, anki jekk l-iżolament politika li qed jibni Trump huwa detrimentali għall-Istati Uniti, l-istess Stati Uniti għandha kull dritt tieħu dik id-deċiżjoni.
Jeħtieġ li naċċettaw ir-realtà kif inhi. Jeħtieġ li nkunu proattivi u mhux nistennew sakemm Trump sa fl-aħħar jieħu l-pass li huwa ovvju li eventwalment se jasal jieħu. Jeħtieġ li nkunu ambizzjużi u nħarsu lejn il-futur. Jeħtieġ li naraw li nagħmlu dak li jaqbel għall-interess tal-kontinent Ewropew.
Naturalment l-instabbiltà fl-Ewropa hija detrimentali għal kulħadd, inkluż għal pajjiż żgħir u newtrali bħal tagħna. Huwa propju għalhekk li għandna nimbuttaw biex l-Unjoni Ewropea tkun deċiżiva u tieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu.
Bħal kull politiku ieħor Trump mhuwiex għal dejjem u se jasal il-jum li l-Istati Uniti se tinduna xi żball oħxon qed tagħmel bħalissa. Se jasal il-jum li l-Istati Uniti jkollha tagħraf kemm imxiet b’mod żbaljat u inġust, u kemm il-gwerra fl-Iran kienet waħda illegali li minnha l-Istati Uniti ħierġa telliefa. Imma sakemm jasal dak il-jum, jeħtieġ li nkunu tal-anqas ferm kawti fejn tidħol kull dipendenza fuq l-Istati Uniti.
Awguri
Nawgura lill-qarrejja kollha ta’ In-Nazzjon l-Għid it-Tajjeb. Jalla nieħdu dawn il-jiem bħala opportunità għal ftit mumenti ta’ talb u riflessjoni. Ftit mumenti ta’ ġabra, u għal min għandu l-fidi Nisranija ta’ tiġdid Nisrani.

Ċar kristall li Trump ma jemminx fl-importanza tal-alleanza bejn
l-Istati Uniti u l-pajjiżi Ewropej

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 2 ta’ April, 2026.