Victor Camilleri
Eks Editur ta’
In-Nazzjon u Il-Mument
2013 (Marzu): Il-Partit Laburista jirbaħ l-Elezzjoni Ġenerali u Joseph Muscat isir Prim Ministru. Hu jaħtar lil Keith Schembri bħala ċ-Chief of Staff tiegħu u lil Konrad Mizzi bħala Ministru tal-Enerġija.
2014 – 2015: Daphne Caruana Galizia tibda tikteb b’mod sistematiku dwar negozjati suspettużi fil-qasam tal-enerġija, partikolarment dwar il-proġett tal-power station u l-kuntratti tal-gass. Fir-Running Commentary tagħha fil-midja soċjali jidher l-ewwel ħjiel li kienu qed jintużaw strutturi offshore minn persuni mdaħħlin sew fil-poter.
Jannar – Frar 2016: Daphne Caruana Galizia tagħti ħjiel li kienet qed taħdem dwar informazzjoni serja rigward kumpaniji sigrieti marbutin ma’ politiċi Maltin. Il-blog tagħha jsir punt ta’ referenza għal spekulazzjoni u preokkupazzjoni.
3 ta’ April 2016: L-ICIJ – il-konsorzju internazzjonali ta’ ġurnalisti investigattivi – 5 ġurnalisti madwar id-dinja – jippubblika l-Panama Papers, leak enormi mid-ditta legali Mossack Fonseca tal-Panama. L-iskandlu jolqot mexxejja politiċi u finanzjarji globalment.
April 2016 (Malta): Ikun żvelat li Keith Schembri u Konrad Mizzi fetħu kumpaniji fil-Panama wara l-Elezzjoni tal-2013. Daphne Caruana Galizia tibda tippubblika serje ta’ artikli li jorbtu dawn l-istrutturi ma’ allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni.
Mejju 2016: Id-Deputat Laburisti KOLLHA jivvutaw fil-Parlament ta’ Malta biex Keith Schembri u Konrad Mizzi jibqgħu jżommu l-karigi tagħhom fi ħdan il-Gvern ta’ Joseph Muscat.
2016 – 2017: Minkejja pressjoni pubblika, Muscat iżomm lil Schembri u Mizzi fil-kariga. L-awtoritajiet ma jibdewx investigazzjonijiet kriminali effettivi dwar il-Panama Papers minkejja rapporti tal-FIAU.
Marzu – April 2017: Daphne Caruana Galizia tikxef l-eżistenza ta’ 17 Black, kumpanija offshore li kollha tagħmel pagamenti lejn il-kumpaniji ta’ Schembri u Mizzi. Dan iżid b’mod drammatiku l-gravità tal-allegazzjonijiet.
16 ta’ Ottubru 2017… Daphne Caruana Galizia tkun assassinata b’bomba taħt il- karrozza tagħha. Malta tidħol fi kriżi politika, istituzzjonali, u ta’ reputazzjoni.
2018 – 2019: Tiżdied il-pressjoni internazzjo-nali waqt li investigazzjonijiet jorbtu lil Yorgen Fenech, sid is-17 Black, ma’ dak li ġara fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia.
Novembru 2019: Keith Schembri u Konrad Mizzi jirriżenjaw taħt pressjoni tagħfas aktar fuqhom. Joseph Muscat iħabbar li kien se jirriżenja wkoll.
Lulju 2021: Tkun pubblikata l-Inkjesta Pubblika li tikkonkludi li l-Istat Malti għandu responsabbiltà għall-qtil u tidentifika l-Panama Papers bħala l-mument li kabbar ir-riskju għal Daphne Caruana Galizia.
Diċembru 2021: Id-Dipartiment tal-Istat Amerikan iħabbar li Keith Schembri, Konrad Mizzi u familjari qrib tagħhom ma jistgħux jirfsu l-Istati Uniti minħabba l-involviment tagħhom f’każi ‘sinifikanti’ ta’ korruzzjoni.
2022 – 2024: Ikomplu l-proċeduri kriminali u ċivili relatati mal-qtil. Ir-riformi istituzzjonali jimxu bil-mod. Il-kwistjonijiet ta’ kontabbiltà politika marbuta mal-Panana Papers jibqgħu suġġett ta’ kontroversja.
2026: 10 snin mill-Panama Papers: Il-każ jibqa’ punt ta’ referenza ċentrali fid-dibattitu dwar il-korruzzjoni, il-ġurnaliżmu investigattiv, u l-istat tad-dritt f’Malta.
Skandlu globali bla preċedent
Il-Panama Papers twieldu minn wieħed mill-akbar leaks ta’ dokumenti fl-istorja tal-ġurnaliżmu internazzjonali. Fl-2015, sors anonimu li uża l-isem ta’ John Doe ikkuntattja lill-gazzetta Ġermaniża Suddeutsche Zeitung u pprovdielha ammont enormi ta’ dejta interna tad-ditta legali Mossack Fonseca tal-Panama, speċjalizzata fil-ħolqien ta’ kumpaniji offshore f’ġurisdizzjonijiet sigrieti.
Minħabba l-volum u l-kumplessità tal-materjal provdut – aktar minn 11-il miljun dokument li jkopru kważi 40 sena – il-ġurnalisti ta’ dik il-gazzetta ddeċidew li jaħdmu b’mod kollettiv f’tim ta’ ħafna ġurnalisti oħrajn. Il-każ kien koordinat mill-International Consortium of Investigative Journalists (ICIJ) li ġabar flimkien aktar minn 370 ġurnalist minn kważi 80 pajjiż.
L-iskop ma kienx li jkunu pubblikati ismijiet iżda li tkun analizzata sistema globali ta’ segretezza finanzjarja.
Fit-3 ta’ April 2016 bdew jidhru r-rapport simultanjament madwar id-dinja. Il-Panama Papers żvelaw kif politiċi, negozjanti, kriminali u persuni ta’ qawwa ekonomika kienu qed jużaw strutturi offshore biex jaħbu l-assi tagħhom, jevitaw it-taxxa jew agħar, jaħslu flus maħmuġin li jkunu ġejjin minn tranżazzjonijiet illeċiti jew illegali. L-iskandlu wassal għal investigazzjonijiet, riżenji riformi f’diversi pajjiżi.
U fost il-pajjiżi li nqabdu f’din ix-xibka globali kien hemm ukoll MALTA, li f’daqqa waħda sabet ruħha fil-qalba ta’ storja li kien se jkollha effetti li ftit qatt setgħu jimmaġinaw.
Illum, għaxar snin wara, neżaminaw dawn l-effetti, speċjalment f’pajjiżna.
Mhux sempliċiment żvelar ta’ ismijiet
Il-Panama Papers ma kinux biss skandlu ta’ ismijiet iżda konferma u prova ta’ sistema. Fil-kuntest Malti, dan il-każ spiss ikun ridott għall-ismijiet ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri iżda l-valur reali tal-Papers kien li kixfu wkoll mudell ta’ governanza ħażina bl-użu ta’ strutturi offshore minn persuni fil-qalba tal-poter, flimkien ma’ istituzzjonijiet li għażlu li ma jarawx, ma jisimgħux, u ma jaġixxux.
Dan hu punt kruċjali li jissemma b’mod b’saħħtu ħafna fl-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia iżda rari jissemma b’mod ċar f’ambiti oħrajn. M’hemmx dubju li dan hu nuqqas kemm tal-politiċi kif ukoll tal-ġurnalisti.
L-akbar impatt tal-Papers fuq Malta kien dak tal-waqgħa drammatika fir-reputazzjoni tagħha… aktar milli fl-aspetti kriminali tal-każ kollu.
Qabel l-arresti, l-inkjesti, jew proċeduri fil-Qorti, il-Panama Papers kissru l-kredibbiltà ta’ Malta barra minn xtutna. Il-ħsara internaz- zjonali – fil-ġurnali, fl-istituzzjonijiet Ewropej u fil- qasam finanzjarju, kienet immedjata.
Mir-Running Commentary sal-lum
Qabel ma l-Panama Papers saru skandlu globali f’April 2016, Daphne Caruana Galizia kienet diġà qed tagħti sinjali ċari li xi ħaġa serja kienet qed tinħema fil-qalba tal-poter Malti. Fil-blog tagħha Running Commentary hi kienet ilha tikteb dwar strutturi offshore, interessi moħbija u rabtiet perikolużi bejn il-politika u n-negozju, partikolarment fil-qasam tal-enerġija.
Meta faqqgħet il-bomba tal-Panama Papers, Daphne kienet immedjatament fil-pożizzjoni li tifhem sew dak li kien ġara fil-kuntest esklussivament Malti.
L-aħbar li Keith Schembri, u ċ-Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, u Konrad Mizzi, il-Ministru tal-Enerġija u l-membru tal-Kabinett li kien l-eqreb tal-istess Muscat, kellhom kumpaniji sigrieti fil-Panama, ftit wara l-Elezzjoni Ġenerali tal-2013 kien mument ta’ xokk politiku kollettiv. Daphne mhux biss ippubblikat il-fatti iżda interpretathom ukoll: f’Malta dawn l-istrutturi ma setgħux jinftiehmu lil hemm mill-kuntest tal-poter u ta’ deċiżjonijiet tal-Gvern.
Minkejja l-gravità tal-każ, ir-reazzjoni istituzzjonali kienet waħda ta’ difiża u paraliżi. Joseph Muscat għażel li jżomm lil Schembri u Mizzi fil-kariga, filwaqt li l-Pulizija u awtoritajiet oħrajn naqsu milli jiftħu investigazzjonijiet kriminali effettivi. Skont l-Inkjesta Pubblika lanqas ir-rapport tal-FIAU dwar il-Panama Papers ma wasslu għal azzjoni kon-kreta.
Fl-2017, Daphne kixfet l-eżistenza ta’ 17 Black, li kellha tagħmel pagamenti lill-kumpaniji ta’ Schembri u Mizzi. Minn dak il-punt ’il quddiem, ir-riskju għaliha żdiedu b’mod drastiku. L-Inkjesta Pubblika kkonkludiet li l-Istat falla milli jirrikonoxxi u jipprevjeni dan ir-riskju.
10 snin wara l-Panama Papers, Malta għadha tgħix fid-dell tagħhom. Il-każ jibqa’ simbolu ta’ kif ġurnaliżmu investigattiv jista’ jikxef il-verità u ta’ x’jiġri meta l-istituzzjonijiet jagħżlu li ma jaġixxux.
F’Malta l-abbuż beda ħamest ijiem BISS wara l-Elezzjoni Ġenerali tal-2013

Ir-riżultat tal-Elezzjoni Ġenerali tal-2013 kien konfermat uffiċjalment fil-11 ta’ Marzu. Skont dokumenti u informazzjoni li aktar ’il quddiem kienu analizzati fil-Kuntest tal-Panama Papers, sas-16 ta’ Marzu – ħamest ijiem biss wara bdew ikunu attivati strutturi korporattivi u finanzjarji li ma jistgħux jitqiesu bħala koinċidenza.
Il-ħin u s-sekwenza ta’ dawn il-ġrajjiet huma kruċjali għaliex seħħew saħansitra qabel ma l-gvern il-ġdid kien iffurmat kompletament. Kollox kunsidrat, jindikaw ukoll livell ċar ta’ tħejjija minn qabel.
Din il-kronoloġija tal-fatti mhix xi interpretazzjoni politika manipulata iżda sekwenza ta’ fatti li joħorġu minn reġistrazzjonijiet, dejta u movimenti dokumentati. Il-ħolqien u l-attivazzjoni eventwali ta’ kumpanija offshore, flimkien mal-użu ta’ diversi ġurisdizzjonijiet, seħħew f’perjodu estremament qasir wara bidla politika fil-poter. Dan kien l-ewwel sinjal tanġibbli ta’ mudell ta’ azzjoni privata organizzata li mexa id f’id ma’ bidla istituzzjonali.
Meta fl-2016 kienu pubblikati l-Panama Papers, dawn il-fatti bdew jinqraw f’kuntest internazzjonali usa’. Fost il-kwantità ta’ midja li xeħtu ħarsithom fuq il-konnnessjoni Maltija kien hemm l-Australian Financial Review (AFR) li ppubblikat sensiela ta’ artikli analitċi dwar kif Malta kienet qed tintuża bħala ġurisdizzjoni funzjonali fi strutturi finanzjarji kumplessi u dubjużi.
L-enfasi tal-artikli ma kinitx fuq każ wieħed jew xi individwu wieħed iżda fuq mudell ripetut: l-użu ta’ entitajiet Maltin flimkien ma’ strutturi offshore oħrajn biex jinħolqu saffi sigrieti madwar il-benefiċjarji reali u l-movimenti tal-fondi. F’dan id-dawl, il-kronoloġija tal-2013 trid tingħata piż speċjali, għax turi li l-proċess ma kienx xi reazzjoni għal skrutinju iżda azzjoni preventiva li tibni fuq sitwazzjoni ta’ permissività.
Dak iż-żmien f’pajjiżna kien hawn min ipprova jimminimizza dawn ir-rapporti, jekk mhux ukoll addirittura, ikunu mwar-rba. Illum għaxar snin wara, kif ġraw l-affarijiet skont kif rakkuntati mill-AFR juru stampa koerenti u inkwetanti ħafna: l-abbuż beda mal-ewwel sigħat tal-bidla fil-gvern.
L-anniversarju tal-Panama Papers għandu għall-inqas iservi biex nifhmu sew mhux biss il-fatti żvelati fl-2016 iżda meta eżatt beda jitpoġġa l-pedament għal dak kollu li ġie wara.
… il-Labour passiv
M’hix kwistjoni ta’ opinjoni iżda fatt sagrosant. Minn April 2016, meta kienu pubblikati l-Panama Papers, il-Partit Labu-rista fil-gvern ma mexxa l-ebda investigazzjoni interna effettiva.
Keith Schembri u Konrad Mizzi, membri ċentrali fil-Gvern ta’ Joseph Muscat mhux talli ma tkeċċewx, talli d-Deputati Laburisti KOLLHA vvutaw umanimament fil-Parlament biex it-tnejn li huma jibqgħu ankrati mal-poter.
Kellhom ikunu Maltin li appoġġjaw għaqdiet tas-soċjetà ċivili li b’ħafna riskji u sagrifiċċji wasslu biex it-tliet kapurjuni tal-Labour – MUSCAT, SCHEMBRI u MIZZI – wara tant żmien baxxew rashom, kontra qalbhom, u telqu mill-poter, umiljati u mistmerra.
Il-barranin bdew iħarsu lejna bħala poplu li jħalli kollox għaddej anki meta kollox kien sar magħruf, sal-inqas dettall.
Meta toqgħod taħseb…
■ Il-problema f’Malta f’dawn il-każi tal-Panama Papers ma kinitx l-aktar il-korruzzjoni iżda l-impu-nità min-naħa tal-istituzzjonijiet.
■ Wara l-pubblikazzjoni tal-Panama Papers, il-livell ta’ riskju għal Daphne Caruana Galizia kiber immensament,
■ Il-Panama Papers kienu pubblikati fl-2016, iżda l-ewwel konsegwenzi politiċi reali f’Malta waslu tliet snin wara.
■ 10 snin wara l-pubblikazzjoni tal-‘Papers’ il-mistoqsija m’hix x’kien sar magħruf iżda għaliex kien baqa’ ma ġara xejn
Korruzzjoni sal-qalba tal-poter
Meta f’April 2016 faqqa’ l-iskandlu globali tal-Panama Papers, Malta sabet ruħha f’nofs uragan politiku istituzzjonali li l-effetti tiegħu għadhom jinħassu sal-lum. Għal Daphne Caruana Galizia dak il-mument ma kienx biss storja oħra iżda konferma deċiżiva ta’ dak li kienet ilha ssostni u tinvestiga: li l-korruzzjoni f’Malta kienet waslet bil-kbir sal-qalba tal-poter politiku.
L-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil tagħha tiddeskrivi l-kontenut tal-Panama Papers bħala “informazzjoni massiċċa, kredibbli, u esplussiva” li saħħet il-konvinzjoni ta’ Daphne li l-investigazzjonijiet tagħha kienu mexjin fid-direzzjoni korretta. Minn dak il-punt ’il quddiem, ix-xogħol tagħha daħal f’fażi aktar perikoluża.
Il-Panama Papers kixfu li Keith Schembri, dak iż-żmien Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, u Konrad Mizzi, Ministru tal-Enerġija, aktar tard tat-turiżmu, fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama ftit wara l-Elezzjoni tal-2013. Daphne Caruana Galizia kienet fost tal-ewwel li rabtet dawn il-kumpaniji ma’ allegazzjonijiet serji ta’ ħasil ta’ flus u ma’ kumpanija misterjuża, 17 Black, li, skont investigazzjonijiet, kellha tħallas miljuni lil dawn l-istrutturi offshore.
Skont l-Inkjesta Pubblika, minkejja l-gravità ta’ dawn ir-rivelazzjonijiet, l-Istat Malti falla. Ir-rapport jgħid b’mod ċar li “sa dak iż-żmien il-Pulizija ma kienet interrogat lil ħadd u ma kienet investigat lil ħadd dwar il-Panama Papers minkejja rapporti ripetuti mill-FIAU. Dan in-nuqqas ta’ azzjoni istituzzjonali, ma kienx każwali iżda parti minn kullana ta’ protezzjoni politika.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat mhux biss iddefenda lil Schembri u Mizzi iżda żammhom fil-kariga għal snin wara li sar magħruf dan l-iskandlu. Din id-deċiżjoni, skont l-Inkjesta, bagħtet messaġġ ċar li l-poter politiku kien qed jieħu preċedenza fuq l-istat tad-dritt (rule of law). Għal Daphne dak kien ifisser li l-persuni li kienet qed tikxef kellhom is-saħħa u l-protezzjoni biex jattakkawha lura.
Mill-2016 ’il quddiem, il-pressjoni fuq Daphne Caruana Galizia kompliet iżżid. Kien hemm libelli, attakki politiċi, diskors ta’ mibegħda (hate speech) u attentati sistematiċi biex tkun skreditata. L-Inkjesta tgħid li wara l-pubblikazzjoni tal-Panama Papers “il-livell ta’ riskju għaliha żdied b’mod sostanzjali”. Madankollu ma rrikonoxxiex dan ir-riskju u lanqas ma offra protezzjoni adegwata.
Il-kuntest politiku kien sar wieħed tossiku. Ġurnalista li kienet qed tesponi allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni fil-gvern, kienet trattata daqslikieku kienet xi għadu tal-Istat aktar milli bħala pilastru tal-qafas tad-demokrazija.
L-Inkjesta tindika li dan l-ambjent “ippermetta l-kultura tal-impunità” li fiha setgħu jiffjorixxu atti kriminali tal-ogħla grad.
Meta Daphne Caruana Galizia nqatlet fis-16 ta’ Ottubru 2017, il-Panama Papers kienu diġà saru simbolu mhux biss ta’ skandlu finanzjarju iżda ta’ falliment istituzzjonali.
Il-konklużjoni tal-Inkjesta Pubblika hi waħda qawwija: L-Istat Malti għandu responsabbiltà, mhux għaliex ordna l-qtil, iżda għaliex naqas milli jipprevjeni riskju li kien magħruf, prevedibbli, u marbut direttament max-xogħol tagħha, b’mod partikulari malli kienu pubblikati l-Panama Papers.
Għal Malta, il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Panama Papers huma marbuta b’mod inseparabbli. Huma jfakkru li meta l-verità tibda tkun kunsidrata bħala theddida mill-poter, u meta l-istituzzjonijiet jagħżlu s-silenzju minflok l-azzjoni, il-konsegwenzi tabilħaqq li jistgħu jkunu fatali.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 2 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

