George Cassar
Viċi Sindku
Rabat Għawdex
Kull meta smajt bl-insularitá doppja ta’ Għawdex, dejjem smajtha tintuża bħala skuża minn min l-interess tiegħu jew tagħha kien li jfittex skużi flok soluzzjonijiet. Skuża marbuta mad-dewmien f’kull ma jsir fuq il-gżira Għawdxija. Skuża l-għaliex l-Għawdxi għandu ferm inqas opportunitajiet minn ħuh il-Malti u dak Ewropew. Skuża għalfejn il-kwalità tal-ħajja hi dejjem inferjuri fuq din in-naħa tal-fliegu. It-tajba hi li tant ilna nisimgħu l-istess diskors, li kważi bdejna nemmnuh. Sirna naċettawh bħala ‘normali’ għax hekk qalulna. Hekk tambrulna.
Iżda l-insularità m’għandhiex tintuża bħala sentenza ta’ kundanna! Hija sempliċement għażla politika. Il-mod kif nagħżlu li nużawha juri b’mod ċar kemm tassew nirrispettaw lilna nfusna bħala soċjetà. Hija l-għażla ta’ konnettività batuta, ta’ infrastruttura li qed taqa’ biċċiet, ta’ opportunitajiet ta’ xogħol limitati, ta’ sistemi antikwati li ma rridux ninvestu l-flus neċessarji biex naġġornawhom. Hija l-għażla ta’ min irid iħalli poplu lura, biex ikompli jirrennja fuqu.
Il-fatt li l-Belt Victoria se tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2031 għandu jservi bħala mument ta’ waqfa u riflessjoni. Irridu nifhmu li din ma tistax tkun lista oħra ta’ opportunitajiet mitlufa jew festa ta’ propaganda banali. Jekk din l-opportunità tintuża biss bħala ‘photo opportunity’ għal min irid jidher, inkunu tlifna ċans storiku. Il-kultura mhijiex programm ta’ avvenimenti li jsiru biex inżommu kuntenti lil dak u lill-ieħor; hija investiment fit-tul li jitlob kuraġġ politiku u viżjoni li tmur lil hinn mill-kalendarju tal-elezzjonijiet.
X’nhi l-kultura li qed nippromwovu? Qegħdin verament ninvestu f’avvenimenti ta’ kwalita li jħallu impatt reali fuq il-kalendarju tagħna, u f’nies validi li kapaċi verament jarrikkixxu tali programm? Qed nibnu strutturi li jnisslu ħsieb kritiku u dixxiplina, jew qed nipproduċu spettaklu ieħor li jispiċċa malli jintefa d-dawl? Qegħdin ninvestu l-fondi neċessarji fl-ispazji li qed jagħmlu dan kollu possibbli?
Il-Belt Victoria għandha żewġ teatri tal-opra, l-uniċi fil-Gżejjer Maltin, u minkejja dan, ħafna drabi ma jingħatawx il-piz li jistħoqqilhom, minkejja li huma l-veri ċentri tal-ħajja kulturali f’Malta, li jagħtu sens ta’ identità lil beltna u gżiritna, lil dawk il-mijiet ta’ voluntiera li jinvestu ħinhom fihom, bil-potenzjal li jekk ikun hemm investiment fihom li jmur lil hemm mill-‘photo opportunities’ jilħqu livelli internazzjonali. Biex ma nsemmux id-diversi fundazzjonijiet volontarji li huma l-istituzzjonijiet li realment qed imexxu l-kultura fid-direzzjoni t-tajba.
Nistgħu nkomplu niftaħru bl-iżvilupp ekonomiku kemm irridu, imma s-soċjetà ma tgħix bil-flus biss. Soċjetà li tgħix biss bil-konsum tispiċċa vojta u bla direzzjoni. L-ikbar problema tagħna mhijiex in-nuqqas ta’ fondi, imma t-tolleranza kollettiva lejn il-medjokrità. Aċċettajna toroq indeċenti, xogħol li jdum snin aktar milli suppost u dewmien bla spjegazzjoni bħala parti inevitabbli mill-ħajja. Aċċettajna li biex ikollok paga diċenti, trid issalpa.
Aċċettajna li flok ngħarblu u niskrutinizzaw il-kelma ta’ kull politiku u naraw li jagħmel xogħlu bl-aħjar mod possibbli, qed ninħlew f’kummenti bħal pappagall ta’ prosit ministru, bit-tama li niggwadannjaw xi ħaġa bl-inqas sforz. Din mhijiex paċenzja; hija abdikazzjoni mir-responsabbiltà ċvika. Dan huwa l-vera faqar li qed naċċettaw li naqgħu fih.
Il-kultura hija dixxiplina. Tirrikjedi rispett lejn il-ħin, lejn il-kwalità u lejn l-ispazju pubbliku. Meta dawn jonqsu, nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn nippreferu l-kożmetiku fuq is-sustanza. Soċjetà li tintilef wara d-ditti, imma mbagħad tgħix minn jum għal jum bi kwalità ta’ ħajja baxxa. Spiċċajna nidhru sinjuri fl-immaġni, iżda foqra fil-kwalità tal-ħajja u fil-valuri.
L-iżjed li qed jagħmel ħsara lill-bniedem mhux in-nuqqas, imma ż-żejjed bla sens: storbju żejjed, pretensjoni żejda, passaġġi mblukkati b’affarijiet żejda. Dan kollu ma jibnix kultura; imma pjuttost joħnoqha. Ma għandniex bżonn soċjetà li tippretendi li hija aħjar milli hi, imma waħda li tagħraf fejn hi u tiddeċedi li titla’ pass ‘il fuq.
Ma rridx nara iktar soċjetà li flok tippremja l-aqwa, timita l-medjokri, għax dak faċli iktar tasal għalih. Soċjetà mehdija f’illużjonijiet ta’ grandjożità waqt li tinjora l-medjokrità li qed tifniha. Irrid iżda nara soċjetà moħħha li timxi ‘l quddiem, li tavvanza, li tissaħħaħ. Tissaħħaħ biex verament tilħaq dak li pajjiżi oħrajn, ilhom jgħixuh is-snin.
Il-kultura mhijiex lussu u lanqas dekorazzjoni. Hija pożizzjoni politika u att ta’ rispett lejn il-komunità. Biex il-Belt Victoria verament tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura, għandha tkun kapitali ta’ serjetà, ta’ kwalità, ta’ rispett u ta’ kuraġġ. Mhux biss f’dak li jidher, imma f’dak li jibqa‘. Inkella, inkunu qed inżejnu faċċata oħra li tgħatti l-problemi li nibżgħu niffaċċjaw.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 29 ta’ Marzu, 2026.
//= $special ?>

