Mark A. Sammut Sassi
Dal-jiem huma żmien ta’ pawsa mill-ħajja mgħaġġla. Fih naħsbu dwar it-tifsira tar-riġenerazzjoni: li tgħaddi mis-saram u, bil-fidi, tqum mill-ġdid. Il-messaġġ straordinarju ta’ qawmien mill-ġdid, hu minsuġ fil-viżjoni Nisranija tal-ħajja.
Fi żminijietna, dal-messaġġ qed jiġi attakkat. Sewwasew għaliex, għalija mhux daqstant ċar. Għax il-messaġġ Nisrani ta’ tama misjub fil-figura ta’ Kristu Rxoxt, hu messaġġ li jmur lil hinn mill-ħajja ta’ kuljum u fl-istess waqt hu intimament marbut magħha.
Il-ġid li joħroġ minn dal-messaġġ ta’ tama hu imprezzabbli. Hija t-tama li żżomm sħiħ lil min ikun għaddej mid-diffikultajiet. Il-messaġġ tal-Passjoni ta’ Kristu hu li tista’ tgħaddi mid-diffikultajiet u toħroġ rebbieħ.
Naturalment, l-inġenwi biss ma jintebħux li l-attakk fuq il-Kristjaneżmu hu fil-verità attakk fuq il-mudell politiku li nbena madwar il-Kristjaneżmu. Kien hemm żmien fl-Ewropa meta, wara l-Waqgħa tal-Imperu Ruman, ma kienx hemm ideoloġija ċentrali li madwarha tinbena l-istruttura politika. Il-fidi Nisranija ntużat bħala pedament li fuqha nbniet l-istruttura politika. Dik l-istruttura baqgħet taħkem sar-Rivoluzzjoni Franċiża.
L-attakk fuq dik l-istruttura spiċċa biex sar attakk fuq il-viżjoni wkoll.
L-attakk fuq il-fidi u l-viżjoni Nisranija…
…ħa bosta dimensjonijiet. Fiż-żmien li ngħixu fih – il-“Kapitaliżmu Mwaħħar” – l-akbar attakk ġej mill-ideoloġija tas-Suq.
Il-viżjoni Nisranija hi viżjoni ta’ sagrifiċċju, ta’ tiftix ta’ kulma jwassal għas-salvazzjoni tar-ruħ. L-ideoloġija tas-Suq, mill-banda l-oħra, hi ideoloġija ta’ konsum, ta’ tiftix tal-hena materjali u fiżika. L-ideoloġija tas-Suq temmen li aktar ma tixtri prodotti aktar se tkun ħieni.
Hu minn ewl id-dinja li aktar ma tixtri aktar se tħaxxen il-bwiet ta’ dawk li jimmanifatturaw. Dik hi l-ideoloġija bażika tas-Suq. Domanda, domanda, domanda… konsum, konsum, konsum.
Il-viżjoni Nisranija, min-naħa l-oħra, tfittex ir-rażan u l-opri tajbin, mhux il-konsum. Ir-rażan hu l-oppost tal-konsum. Bilfors allura jkun hemm kunflitt kbir bejn l-ideoloġija tas-Suq u l-Kristjaneżmu.
Jien nittama biss li dawk li jaħsbu li huma xi mħuħ brillanti u li jifhmu ħafna jintebħu li l-attakki tagħhom fuq il-Kristjaneżmu jservu biss biex iħaxxnu l-bwiet tal-multi-miljunarji li jimmanifatturaw. Jekk ma jintebħux jisfgħu dawk li jissejħu useful idiots.
Pawsa
Daż-żmien tas-sena jiswa wkoll bħala pawsa mill-politika. Mill-politika mhux mir-riflessjoni fuq il-politika. Il-messaġġ tat-tislib u tal-Irxoxt hu wkoll messaġġ għal kulmin hu fil-politika u jifhem li għaddej minn żmien iebes u jilmaħ li f’tarf iż-żmien iebes hemm il-Qawmien. Il-messaġġ hu diwi tal-erbgħin sena li l-poplu Lhudi qatta’ fid-deżert sa ma fl-aħħar wasal l-Art Imwiegħda.
Iż-żewġ episodji fihom ħafna komuni bejniethom, iżda l-aktar ir-relazzjoni ma’ dak li hu Tajjeb. Fil-każ ta’ Mosè, li mexxa lil-Lhud fid-deżert, il-Lhud waslu l-Art Imwiegħda wara li aċċettaw il-Kmandamenti, l-għaxar regoli tal-Ħajja t-Tajba. Fil-każ ta’ Ġesù, il-Qawmien mill-mewt jiġi mill-aċċettazzjoni tal-Liġi ta’ Mosè u l-imħabba lejn il-proxxmu (it-tagħlima mill-ewwel ftit versi tal-Vanġelu skont Ġwanni).
Miniex nitkellem dwar politika devozzjonali, teokrazija. Qed nitkellem dwar politika li tfittex it-Tajjeb – hekk biss toħroġ mid-deżert politiku. Fi żmienna, it-Tajjeb hu r-reżistenza għall-abort u għar-rebħa inkondizzjonata tas-Suq fuq il-Kwalità ta’ Ħajjet in-Nies, u l-ħarsien tal-Ħolqien/Ambjent. Hemm mes-saġġ politiku kbir misrur fil-viżjoni Nisranija, u jkun għaqli dak il-politiku li jimxi miegħu.
Pawsa personali

Sadanittant, jien nixtieq nagħmel pawsa personali u ħares lura lejn l-10 snin li għaddew. F’dal-10 snin, ktibt għadd kbir ta’ artikli u dhert bosta drabi fuq it-televiżjoni u mezzi oħrajn tax-xandir biex infisser il-fehmiet tiegħi dwar il-politika.
Għaxar snin ilu, fl-2016, ħriġt ktieb jimsu L-Aqwa fl-Ewropa: Il-Panama Papers u l-Poter. Fih mhux biss irrakkuntajt l-istorja tal-iskandlu tal-Panama Papers imma tħaddidt ukoll dwar il-politika żbaljata ta’ Joseph Muscat u l-imġiba ta’ Aron Mifsud Bonnici, ngħidu aħna.
Dan tat-tieni għadu kemm żgiċċa minn ħalq il-ġustizzja b’liġi li donnha saret apposta biex tiskansalu l-kastig għal għemilu. Tal-ewwel, Muscat, għadu għaddej bit-taqbid tiegħu fil-qrati. Naraw issirx xi liġi oħra bit-tir li jiżgiċċa huwa wkoll.
Sena wara, fl-2017, ħriġt ktieb ieħor, jismu L-Aqwa Żmien Għalihom u kien dwar seba’ skandli li dak iż-żmien kienu ħasdu lill-poplu Malti.
Aktar riċenti, ħriġt ktieb ieħor, did-darba bl-Ingliż, jismu Flying at the Fall of Dusk. Dal-ktieb hu ġabra ta’ artikli li ktibt bl-Ingliż li fihom analizzajt il-Gvern ta’ Joseph Muscat, sal-mument tal-waqgħa tiegħu, kif wkoll analizzajt żviluppi, bosta drabi negattivi, fis-soċjetà Maltija. F’dil-pawsa ta’ riflessjoni li qed nieħu f’dal-jiem qed inħares lura lejn dal-kotba.
Qatt ma kelli f’moħħi li tliet kotba waħidhom jistgħu jibdlu d-destin tal-pajjiż. Però, kif jgħidu, jekk meta nkunu fid-dlam kulħadd jixgħel sulfarina waħda, is-sulfarini mixgħulin kollox flimkien jafu jegħilbu d-dlam.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 2 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

