Lokali

50,000 student gradwaw mill-MCAST fl-aħħar 25 sena

Il-Kulleġġ Malti tal-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija f’Settembru li ġej se jkun qed jiċċelebra l-25 sena mit-twaqqif tiegħu – snin li matulhom, aktar minn 50,000 student iċċelebraw il-gradwazzjoni tagħhom.

Ix-xahar li għadda saret it-tnedija uffiċjali tal-attivitajiet li se jikkomemoraw dan l-anniversarju tant importanti, li jfakkar il-pass importanti li kien ħa Gvern Nazzjonalista biex jinfetaħ l-MCAST – pass xprunat mill-eks Ministru Louis Galea.

Dan il-Kulleġġ kien frott viżjoni fit-tul li kellu l-Gvern dak iż-żmien; ħolma li għadna ingawduha sal-lum, u li minnha gawdew eluf ta’ studenti u żgħażagħ.


F’25 sena, l-MCAST kiber minn madwar elf student għal istituzzjoni li llum tħaddan fiha mal-10,000 student – ħafna minnhom żgħażagħ. U tul is-snin, sar investiment qawwi fl-infrastruttura ta’ dan il-Kulleġġ; fost l-oħrajn b’fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea.

Il-gradwati tal-MCAST illum jaħdmu f’bosta oqsma tal-ekonomija Maltija.

U b’korsijiet speċjalizzati, il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Tekonoloġija qed iħares is-snajja Maltin, ix-xogħol tal-idejn, ix-xogħol tekniku, l-ideat innovattivi, u l-edukazzjoni prattika.

Tant illi kien Gvern Nazzjonalista li daħħal korsijiet prattiċi, li jimxi pass pass mal-industrija. Fosthom il-korsijiet fit-tiswija u l-manutenzjoni tal-ajruplani – industrija li 25 sena ilu kienet waħda innovattiva, u li baqgħet toffri opportunitajiet ta’ xogħol għal ħafna ħaddiema, b’pagi tajbin.