L-istadium il-ġdid li se jinbena fil-Marsa, wara li l-Malta Premier ħabbret l-ewwel dettalji dwar dan il-proġett infrastrutturali sportiv tant bżonnjuż, u li se jkun qed jinbena fuq l-art li tgħajjat lill-assoċjazzjoni tar-Rugby f’Malta, hu skedat li jitlesta sa erba’ snin oħra, fl-2030.
Madankollu, skont iċ-Ċermen tal-Malta Premier League Joseph Muscat, jekk waqt l-istadju tal-iskavar ma jkunx hemm waqfien minħabba ċirkostanzi relatati ma’ fdalijiet storiċi, il-bini ta’ dan l-istadium modern jista’ jitlesta saħansitra sena u nofs qabel.
Waqt intervent f’programm fuq TVM Sports tat-Tnejn filgħaxija, Muscat spjega li meta tkellem ma’ storici Maltin, intqal lilu li fuq l-art fejn se jinbena l-istadium, fl-imgħoddi kienet tinsab il-bażi tal-armata Torka matul il-perjodu tal-Assedju l-Kbir. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li meta jibda l-iskavar, jistgħu jinstabu fdalijiet storiċi li jmorru lura għas-seklu 16, li jistgħu jikkawżaw dewmien li ma jkunx fil-kontroll tal-proġett.
L-istorja ta’ Malta tfakkar li waqt l-Assedju l-Kbir tal-1565, il-ġlied kien ikkonċentrat prinċipalment madwar il-Port il-Kbir. Dan l-avveniment storiku, wieħed mill-aktar sinifikanti fl-istorja tal-pajjiż, sawwar l-identità nazzjonali Maltija. Il-Marsa kienet waħda mill-aktar żoni strateġiċi għall-armata Ottomana minħabba l-pożizzjoni u r-riżorsi tagħha. Fid-dawl ta’ dan, ma tkunx sorpriża jekk waqt il-proċess tal-iskavar ix-xogħol ikollu jieqaf diversi drabi minħabba s-sejba ta’ fdalijiet storiċi li jmorru lura għal dak iż-żmien.
//= $special ?>

