Futbol Sport

Gattuso jinħall mill-kuntratt bħala kowċ nazzjonali Taljan

(Ritratt: EPA)

Tlett ijiem wara n-nuqqas tal-Italja li tikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja, Gennaro Gattuso rriżenja uffiċjalment minn kowċ nazzjonali tal-Italja. L-Azzurri mhux se jilagħbu fil-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja għat-tielet edizzjoni konsekuttiva wara li t-Tlieta li għadda spiċċaw 1-1 kontra l-Bożnija u tilfu 4-1 wara l-għoti tal-penalties.

Hu laħaq ftehim mal-Federazzjoni Taljana biex jinħall mill-kuntratt. Gattuso nħatar kowċ nazzjonali tal-Italja f’Ġunju li għadda bħala s-suċċessur ta’ Luciano Spalletti bl-għan prinċipali kien li jgħin lit-tim Taljan jikkwalifika għall-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja, stadju li l-Italja ilha ma tilgħab fiha mill-2014. Minkejja li mexxa lit-tim f’sitt rebħiet minn tmien logħbiet, l-eliminazzjoni fil-finali tal-play-off kienet daqqa kbira għall-futbol Taljan.

“B’dieqa, wara li fallejt li nilħqu l-għan li konna għamilna, nikkunsidra ż-żmien tiegħi bħala kowċ tat-tim nazzjonali bħala magħluq. Il-flokk tal-Azzurri hu fost l-aktar prezzjuż fil-futbol. Hu għalhekk li naħseb li hu ġust li jiġi ffaċilitat mill-bidu l-proċess ta’ evalwazzjoni b’mod tekniku.”

Gattuso kompla li kien ta’ unur għalih li jmexxi lit-tim nazzjonali Taljan u kellu kliem ta’ tifħir għall-plejers Taljan li urew impenn u devozzjoni lejn il-flokk tal-Italja. Rapporti fil-media Taljana indikaw li t-tmexxija tal-FIGC riedet li Gattuso jmexxi lit-tim Taljan għaż-żewġ logħbiet li jmiss, bl-Italja mistennija tilgħab partiti ta’ ħbiberija f’Ġunju.

Din l-aħbar issegwi r-riżenji tal-Ħamis tal-President tal-FIGC Gabriele Gravina u l-Kap tad-Delegazzjoni Gianluigi Buffon.