L-ewwel ħjiel li għandna tat-Tifkira Solenni tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej imur lura għar-raba’ seklu meta mara twajba bl-isem ta’ Eġerja għamlet pellegrinaġġ lejn l-Art Imqaddsa u kitbet rakkont f’forma ta’ djarju li kienet tibagħtu lura lil niesha u l-ħbieb tagħha. F’dawn il-kitbiet jidher ċar li, sa minn dak iż-żmien, kienet issir il-venerazzjoni tar-relikwa tas-Salib li fuqu miet Ġesù. Illum, il-funzjoni msejħa Azzjoni Liturġika, issir waranofsinhar għall-ħabta tat-tlieta.
Hija liturġija sempliċi ħafna iżda drammatika, imqassma fi tliet taqsimiet. Iċ-ċelebrant jidħol fis-skiet u fid-dlam u jimtedd minn tulu fl-art; imbagħad jibda mill-ewwel il-qari tal-Kelma ta’ Alla: l-ewwel silta mill-profeta Iżaija, siltiet minn Salm 30, silta mill-Ittra lil-Lhud u r-rakkont tal-Passjoni skont San Ġwann. Wara l-omelija jsiru għaxar talbiet għal kategoriji differenti ta’ nies. Is-salib imbagħad jinġieb u jintwera lill-poplu li għal tliet darbiet jinżel għarkupptejh quddiemu għax huwa l-għuda li fuqha ġie msammar is-Salvatur tad-dinja. Imbagħad, kulħadd iqim is-salib b’mod individwali.
Hija drawwa qadima li s-saċerdoti jew iċ-ċelebrant jitilgħu jqimu s-salib mingħajr żarbun, għax l-art li fiha ġie mdaħħal is-salib hija art qaddisa, b’referenza għar-rakkont fil-Ktieb tal-Eżodu fejn issir il-laqgħa bejn Mosè u Alla.
Fil-Ġimgħa l-Kbira, b’niket kbir, il-Knisja tiċċaħħad miċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Kien il-Papa Piju XII li fl-1956 daħħal it-tqarbin fl-Azzjoni Liturġika, bl-ostji kkonsagrati li jifdal miċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka filgħaxija. L-Azzjoni Liturġika tal-Ġimgħa l-Kbira ma tibdix bir-radd tas-salib u lanqas tintemm bil-barka taċ-ċelebrant.
//= $special ?>

