Illejla tilħaq il-qofol tagħha l-maratona ġbir ta’ fondi li ssir kull sena b’risq Puttinu Cares.
Fl-ewwel ftit sigħat, il-poplu Malti u Għawdxi rnexxielu jiġbor eluf kbar ta’ ewro għal dawk kollha li l-aktar għandhom bżonn f’pajjiżna, fosthom familji u individwi li ġew bżonn għajnuna essenzjali.
Għal dan l-appuntament annwali jingħaqad flimkien il-pajjiż kollu fosthom anke l-mexxejja tal-pajjiż. Fil-fatt, kien propju l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg flimkien ma’ Sarah li kienu preżenti jirrispondi t-telefonati deħlin bid-donazzjonijiet.
F’messaġġ li wassal Alex Borg, spjega kif hu flimkien ma’ Sarah kellhom iċ-ċans li jmorru fl-appartamenti ta’ Puttinu biex jiltaqgħu mal-pazjenti u l-familji tagħhom. Fejn mill-qrib huma raw il-ħidma tal-voluntieri u l-ħaddiema li jagħmlu dan ix-xogħol minn qalbhom.
Madanakollu, huwa anke qasam l-esperjenza personali tiegħu. Hekk kif spjega li hu, u l-familja tiegħu ngħataw ħafna għajnuna mingħand Puttinu Cares u għalhekk issa, huwa ż-żmien li jroddu lura bi gratitudni.
Minn naħa tagħha, Sarah Bajada kompliet bl-inizjattiva tal-figolli kits. Inizjattiva li issa daħlet fir-4 sena tagħha u li tikkonsisti f’kaxxa bil-figolli u affarijiet ta’ tiżjin li jistgħu jagħmlu t-tfal.
Fil-fatt, din is-sena, din l-inizjattiva sarrfet f’ġabra ta’ €10,000 u li marru kollha għal Puttinu Cares.


Il-maratona ta’ Puttinu Cares issir propju f’Jum il-Ġimgħa l-Kbira, l-għada tal-mixja annwali li ssir fil-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka u li tibda fil-Mellieħa u twassal sal-Furjana.
Minħabba l-maltemp din is-sena, kienet l-ewwel sena li l-mixja b’risq Puttinu Cares tħassret. Iżda l-Maltin u l-Għawdxin xorta waħda ngħaqdu f’solidarjetà ma’ dawk l-aktar fil-bżonn hekk kif qed jiġbru l-eluf kbar ta’ ewro sabiex ikunu ta’ għajnuna għal dawn il-pazjenti u l-familji tagħhom.



