Internazzjonali

L-attenzjoni mill-ġdid fuq l-Epstein Files wara t-tkeċċija ta’ Pam Bondi

It-tkeċċija ta’ Pam Bondi minn Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti rriżultat f’aktar appelli biex toħroġ il-verità mill-Epstein Files…Dokumenti bid-dettalji dwar aġir kriminali u traffikar ta’ minorenni bi skop sesswali u fejn, allegatament, hemm implikati wħud mill-aktar personalitajiet sinjuri u influwenti fl-Istati Uniti u ‘il hinn minnha.

Pam Bondi kienet għamlet minn kollox biex taħbi ċertu materjal sinifikanti u sensittiv f’dawn il-files kontroversjali u t-tkeċċija tagħha kienet ikkonfermata mill-President Amerikan Donald Trump proprju nhar il-Ħamis ix-Xirka.

Bondi, issa, għandha tassumi kariga ġdida fis-settur privat, bit-tluq tagħha jikkonferma t-tielet tkeċċija mill-Kabinett fl-ewwel 13-il xahar tat-tieni mandat ta’ Trump. Dan wara t-tkeċċijiet ta’ Kristi Noem minn Segretarju għal Homeland Security u Mike Walz minn Konsulent Ewlieni għas-Sigurtà Nazzjonali.

Todd Blanche, ‘il quddiem, għandu jassumi r-rwol ta’ Aġent Avukat Ġenerali minflok Bondi. Madankollu, diversi membri – Repubblikani u Demokratiċi – tas-Senat u l-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington, issa, qed jinsistu biex id-deputati ma jikkonfermawhx fil-kariga dment li hu ma jikkommettix ruħu mija-fil-mija biex jinvestiga u jipproċessa lill-persuni implikati fl-Epstein Files skont il-liġi…Persuni li abbużaw bil-kbir mill-poter li għandhom u li trattaw lill-vittmi bħala xi ħaġa indispensabbli.

Thomas Massie, membru tal-Kungress Repubblikan minn Kentucky, qal li dan hu l-waqt  biex Todd Blanche joħroġ l-Epstein Files kollha skont il-liġi u bħala parti minn proċess li jinvolvi aktar investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u arresti.

Min-naħa tiegħu, Bo Khanna, Demokratiku minn Kalifornja li ħadem fimkien ma Massie għall-proċeduri li jesiġu għad-deklassifikazzjoni sħiħa tal-files, qal li l-Kungress ta’ Washington issa għandu opportunità kbira biex jaġixxi favur is-sewwa u fl-interessi tal-ġustizzja.