Lokali

Sewwieq ta’ mutur iweġġa’ gravi wara ħabta fin-Nadur

Raġel ta’ 58 sena residenti n-Nadur kellu jittieħed b’urġenza l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex wara ħabat ma’ karozza kmieni l-Ġimgħa filgħodu fin-Nadur stess.

Kienu għall-ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ filgħodu meta seħħet ħabta bejn karozza Honda Fit misjuqa minn raġel ta’ 29 sena residenti x-Xagħra u mutur Royal Enfield misjuq minn raġel ta’ 58 sena fi Triq ir-Rabat, in-Nadur.

Fil-post isejjħu b’mod immedjat Pulizija, ambulanza u anke tim mediku mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u li ħadu lis-sewwieq tal-mutur għal aktar kura, fejn ġie ċċertifikat li qed isofra minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejin.