Lokali

Tħassib serju dwar l-użu tal-Fondi Ewropej

Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew esprimiet tħassib dwar l-implimentazzjoni tal-flus lill-Gvern Malti li ġejjin mill-UE – bl-istess delegazzjoni wissi li hemm dgħjufija fis-sistema ġudizzjarja, li tista’ thedded t-trasparenza, il-kontabbiltà u l-użu b’mod aktar għaqli ta’ flus il-poplu.

Il-Mexxej tad-Delegazzjoni insista li l-għan wara din iż-żjara kien sabiex jiġi osservat kif il-Fondi Ewropej qed jitqassmu u jiġu protetti.

Madanakollu insistew li hemm numru ta’ sfidi ġejjin mis-sistema ġudizzjarja li ma jistgħux jiġu injorati.

Filwaqt li l-Awtoritajiet Maltin ippreżentaw tbassir pożittiv, id-delegazzjoni kkonkludiet li għad fadal numru ta’ miżuri x’jittieħdu sabiex jiġu żgurati l-kontabbiltà u konformità sħiħa.

Id-Delegazzjoni stmat li fl-2025, Malta kellha 17-il każ attiv li kienu qed jiġu investigati mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li b’kollox ilaħqu madwar €235 miljun f’danni – liema ċifri jistgħu biss jikkomparaw ma’ pajjiżi li għandhom popolazzjonijiet bil-wisq akbar.

Dan filwaqt li preċiżaw li l-każi t’allegati frodi f’Malta ma jidhrux li qed ikunu konklużi b’mod adegwat mis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna; u għalhekk appellaw għal aktar infurzar.

Kien innotat kif f’pajjiżna hawn nuqqas ta’ trasparenza minn naħa tal-Gvern Malti b’rabta ma kif jintefqu l-fondi pubbliċi, u ntqal kif waqt li l-awtoritajiet qed ipenġu stampa mod, intqal mod ieħor mis-soċjetà ċivili.

Dan hekk kif kif każijiet ta’ korruzzjoni b’rabta ma’ persuni fil-poter ma jkunux finalizzati fi żmien stipulat u xieraq, kif ukoll ġie elenkat il-fatt inkwetanti b’rabta man-nuqqas ta’ trasparenza – partikolarment b’rabta mal-fatt li l-Prim Ministru u l-bqija tal-Kabinett ma jridux jippubblikaw l-assi tagħhom.

Id-delegazzjoni…waqt konferenza tal-aħbarijiet… wissiet li l-fondi Ewropej huma riservati għaċ-ċittadini u negozji Maltin u Għawdxin…u mhux għaċ-ċirku tal-qalba tal-politiċi – għalhekk sar appell għal trasparenza akbar u garanzija ta’ aċċess ta’ informazzjoni.

Dan bil-għan li Malta tevita xenarji bħal ma qed naraw fl-Ungerija u s-Slovakkja.

Preżenti għal din il-laqgħa fejn ingħata dan ir-rapport kien hemm ukoll il-Membru Parlamentari Ewropew Peter Agius.