Internazzjonali

Trump jhedded li se jeqred dak li fadal mill-Iran

Il-politika tal-Gvern Amerikan preżenti hija waħda intiża biex tkisser lill-Unjoni Ewropea. (Ritratt: EPA)

L-Istati Uniti u Iżrael mhumiex jieqfu mill-attakki intensivi fuq l-ibliet u l-faċilitajiet importanti tal-Iran waqt din il-gwerra qalila li riesqa lejn is-sitt ġimgħa…Min-naħa tiegħu, l-Iran kompla bl-isparar ta’ aktar missili lejn Iżrael u l-pajjiżi ġirien tal-Golf alleati ma’ Washington.

Minkejja l-appelli għall-waqfien mill-ġlied u għal djalogu, mhemm l-ebda sinjal li l-gwerra tista’ tieħu pawża matul il-jiem li ġejjin — speċjalment ladarba l-President Amerikan, DonaldTrump, sostna li l-militar tiegħu lanqas biss għadhom bdew jeqirdu dak li fadal mill-Iran.

Trump, fl-aħħar messaġġ, faħħar lill-qawwiet Amerikani bħala l-aktar b’saħħithom fid-dinja u sostna li dawn, ‘il quddiem, għandhom jimmiraw speċifikament għall-infrastruttura ewlenija tal-Iranjani kif ukoll għall-faċilitajiet li jiġġeneraw l-elettriku għal dan il-pajjiż.

Fl-aħħar sigħat ukoll, l-Amerikani wettqu attakk mill-ajru fuq pont li għadu fi stat ta’ kostruzzjoni fil-belt ta’ Karaj, lejn il-Punent ta’ Teheran, fejn mietu talanqas għaxar Iranjani,b’aktar minn 100 jindarbu.

L-Iranjani qed ifissru dan l-attakk bħala reat tal-gwerra u fejn il-Ministru Iranjan għall-Affarijhiet Barranin, Abbas Araghchi,sostna li r-reputazzjoni tal-Istati Uniti mhi se tirkupra qatt mill-konsegwenzi ta’ dan l-attakk indiskriminattiv.

Dan waqt li Donald Trump sostna li t-Tmexxija tal-Iran taf x’għandha tagħmel biex twaqqaf dawn l-attakki – b’dan jitqies bħala messaġġ ċar lill-Iranjani biex jaċċettaw il-kundizzjonijiet kollha tal-Amerikani biex tieqaf il-gwerra.

Madankollu,l-Iran għadu qed jisfida lil Trump fost l-istqarrijiet li għandu l-kapaċità biex itawwal din il-gwerra għad-detriment tal-Istati Uniti, Iżrael, u l-pajjiżi tal-Golf.

Fil-fatt, numru ta’ missili u drones sparati mill-Iran laqtu mill-ġdid lill-Kuwajt u bir-riżultat li qabdu n-nirien kbar fir-raffinerija taż-żejt ta’ Mina al-Ahmadi …Attakk li, b’xorti  tajba ma ħalliex il-vittmi.

Madankollu, l-Iranjani laqtu wkoll impjant għad-disalinazzjoni tal-ilma fil-Kuwajt u meta dawn l-mpjanti jipprovdu mad-90 fil-mija tal-ilma li hu tajjeb għax-xorb lir-residenti ta’ dan il-pajjiż.

U filwaqt li l-azzjonijiet militari tal-Iran, l-Istati Uniti u Iżrael qed jaffettwaw dejjem aktar mijiet tal-eluf ta’ ċivili,  grupp ta’ esperti dwar il-liġi internazzjonali, fl-aħħar sigħat, iffirmaw ittra miftuħa biex jesprimu t-tħassib kbir tagħhom dwar l-abbużi serji tal-liġi internazzjonali li qegħdin iseħħu kuljum bħala parti mill-iżviluppi tal-konflitt.