Qorti

Albaniż ikkundannat sena ħabs sospiża għal sentejn

Albaniż ta’ 36 sena, residenti Għajnsielem ġie kkundannat sena ħabs sospiża għal sentejn wara li ammetta li wettaq vjolenza domestika fuq is-sieħba tiegħu.

L-isem tal-akkużat ma jistax jixxandar sabiex tiġi protetta l-identità tal-vittma, li fil-Qorti rriżulta li kienet ilha madwar sena u nofs issofri abbuż fiżiku u psikoloġiku.

Fil-Qorti t’Għawdex, ir-raġel kien mixli li fit-3 ta’ April li għadda, kif ukoll tul perjodu ta’ qabel, kien jagħti fastidju lis-sieħba tiegħu, ibeżżagħha, iheddidha, jattakkaha u jweġġagħha ħafif.

Il-każ beda meta l-Pulizija ġew imsejħa f’residenza f’Għajnsielenm, fejn sabu lill-mara fi stat ħażin. Ir-raġel kien għadu fuq il-post u ġie arrestat minnufih, filwaqt li l-vittma ttieħdet l-Isptar Ġenerali t’Għawdex fejn ġie kkonfermat li sofriet ġrieħi ħfief.

Quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech, l-akkużat ammetta l-akkużi, u minbarra s-sentenza sospiża, inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni għal perjodu ta’ tliet snin.