Lokali

Il-Ministru Anton Refalo skomdu jwieġeb lill-ġurnalisti Taljani b’rabta mal-Kap tal-Mafja Totò Riina

Allegatament kien qed jirrisjedi fi proprjetà li illum hija tal-Ministru Anton Refalo

“Mhux affarik” Dan huwa dak li qed jiġi rrappurtat li qal il-Ministru Anton Refalo lill-ġurnalisti Taljani meta kien mistoqsi b’rabta mad-dar tiegħu fil-Qala dwar mingħand min xtara l-proprjetà.

Dan hekk kif investigazzjoni mill-programm ta’ Rai Lo Stato Delle Cose xeħtet dawl dwar kif allegatament il-Kap tal-Mafja Totò Riina kien jinsab maħrub f’Għawdex fis-snin tmenin u allegatament kien jirrisjedi f’żewġ t’idjar.

Proprju mill-investigazzjoni ġurnalistika ħareġ li waħda minn dawn il-proprjetajiet hija proprju tal-Ministru Anton Refalo li meta kien avviċinat mill-crew tar-Rai qalilhom li d-dar xtraha 25 sena ilu.

Fuq il-ġurnal La Stampa ġie rrapportat kif il-Ministru kien mistoqsi waqt li kien qiegħed iħott pittura minn vann…madanakollu meta staqsewh mingħand min xtara d-dar…qalilhom biex ma jindaħlux – u sussegwentament ħarab bil-karozza.

Filwaqt li l-ġurnalisti ppreċiżaw jgħidu li Refalo m’għandux x’jaqsam ma’ Totò Riina, iżda ċertament inħasu bir-reazzjoni tal-Ministru, ġie spjegat li waslu għal tali konklużjoni li Riina kien għamel xi żmien maħrub f’din il-proprjetà, minn ittra anonima mibgħuta lil ġurnalist.

Kien irrapportat li minn domandi li saru fost iċ-ċittadini tal-post ħareġ li fil-perjodu tas-snin tmenin kienu lemħu proprju lil Totò Riina, deskritt minnhom bħala turist edukat u li kien ta’ ftit kliem. Huma spjegaw li kien għarfu lil Riina malli kien spiċċa fuq l-aħbarijiet b’rabta ma’ każijiet makabri ta’ mafja.

Il-programm Lo Stato Delle Cose mistenni jixxandar nhar it-Tnejn 6 ta’ April fid-9:20 ta’ filgħaxija fuq Rai 3, ippreżentat minn Massimo Giletti.