Lokali

Il-Papa Ljun XIV iġorr is-salib tul il-vjaġġ kollu tal-Via Crucis

Il-Papa Ljun XIV sar it-tieni Papa li ġarr is-Salib għall-Vjaġġ kollu tal-Via Crucis, nhar il-Ġimgħa l-Kbira – fil-Funzjoni annwali li ssir fil-Kolossew ta’ Ruma.

Flimkien ma’ 30,000 nisrani f’Ruma – il-Papa mexa t-triq kolla, f’rit tradizzjonali fl-amfiteatru Ruman.

Xi ħaġa li ilha ma ssir għal fuq minn 30 sena – proprju minn żmien il-Papa Ġwanni Pawlu II, li kien iġorr is-Salib tul il-vjaġġ kollu tal-Via Crucis, dan sakemm kienu żviluppaw problemi ta’ mobbiltà.

Dan il-pellegrinaġġ spiritwali huwa magħmul minn 14-il stazzjon tal-passjoni – mumenti li jfakkru t-tbatija u l-mewt ta’ Ġesù. Liema rit spiritwali jsir wkoll madwar id-dinja kollha propju fil-Ġimgħa l-Kbira.

Bil-Papa Ljun XIV jisħaq li l-Kristjani għandhom jirrispondu għall-istedina ta’ San Franġisk sabiex “jgħixu ħajjithom bħala vjaġġ ta’ mħabba.” – Dan anke minħabba l-fatt li ma’ kull stazzjon tal-passjoni, inqraw siltiet mill-kitbiuet ta’ San Franġisk, fejn b’mod speċjali spikkat il-profondità fis-sempliċità tal-kitba.

Intant il-Papa Ljun XIV għalaq billi reġa’ appella għal paċi dejjiema – U sabiex l-insara tad-dinja jitolbu – għaliex it-talb huwa arma b’saħħitha.