Illum f’Ta’ Qali jkunu magħrufa l-finalisti tal-FA Trophy b’żewġ konfronti missielta u bilanċjati. L-erba’ timijiet qed iħarsu lejn din il-kompetizzjoni fuq żewġ binarji hekk kif mhux biss qed ifittxu li jirbħu l-unur iżda li permezz tar-rebħ tal-FA Trophy, jiksbu post fil-kompetizzjonijiet Ewropej staġun ieħor.
Tlieta mill-erba’ semifinalisti rebħu l-kompetizzjoni fil-passat. Naxxar Lions hu l-uniku tim li għadu jrid iduq is-suċċess fl-FA Trophy f’dik li se tkun l-ewwel semifinali għalihom mill-1947. Gżira United rebħu l-kompetizzjoni darba fl-1973 u għadhom qed ifittxu l-ewwel unur maġġuri taħt il-Presidenza ta’ Sharlon Pace.
Valletta hu l-aktar tim li rebaħ l-FA Trophy mit-timijiet li fadal b’total ta’ 14-il suċċess iżda l-aħħar unur wasal fl-2018 u dakinhar l-avversarji kienu proprju l-avversarji tal-lum Birkirkara. Il-Karkariżi, rebbieħa tal-FA Trophy sitt darbiet, rebħu l-kompetizzjoni tliet snin ilu.
Fatt interessanti hu li l-erba’ semifinalisti huma kollha mmexxija minn kowċ Malti. Dawn huma Paul Zammit għal Birkirkara, Darren Abdilla għal Gżira United, Winston Muscat għal Naxxar Lions u Thane Micallef għal Valletta.
Valletta v Birkirkara
Dan id-dwell ifakkar f’diversi battalji bejn iż-żewġ timijiet fl-aħħar 30 sena kemm fil-kampjonat kif ukoll fl-FA Trophy. Fil-finali ltaqgħu darbtejn u fiż-żewġ okkażjonijiet Valletta ħarġu rebbieħa. Birkirkara waslu sal-finali l-istaġun li għadda u rebħu l-kompetizzjoni fl-istaġun 2022/23. Lil hinn mill-istorja, iż-żewġ timijiet għandhom għanijiet partikolari.
Valletta rebbieħa tal-Jubilee Cup f’dan l-istaġun, kellhom sa issa staġun pożittiv wara r-ritorn tagħhom fil-Kampjonat Premier. Spiċċaw it-tielet fl-Opening Round tal-Kampjonat Premier u bil-punti akkumulati fl-ewwel fażi tal-Opening u l-Closing Round, Valletta jinsabu qrib post fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Għaldaqstant, l-għan prinċipali f’din il-kompetizzjoni għall-Beltin hu li jirbħu l-kompetizzjoni għall-15-il darba fl-istorja tagħhom.
Birkirkara fuq in-naħa l-oħra kellhom staġun diżappuntanti. Spiċċaw fis-sitt post fl-Opening Round tal-Kampjonat Premier u fil-Closing Round li jibda l-ġimgħa d-dieħla jinsabu mal-aħħar sitta. Beda l-istaġun Stefano De Angelis, daħal floku Gianluca Festa u kompla l-istaġun lejn l-aħħar ta’ Jannar Paul Zammit. Dawn l-ingredjenti wasslu biex l-uniku mod li Birkirkara jilagħbu f’kompetizzjoni Ewropea staġun ieħor hu permezz tar-rebħ tal-FA Trophy.
Gżira United v Naxxar Lions
Għalkemm id-dwell bejn Valletta u Birkirkara mistenni jattira attendenza sabiħa, ma jfissirx li għaliex l-attendenza tal-konfront bejn Gżira United u Naxxar Lions se tkun anqas, din il-logħba mhix se toffri eċċitament u spettaklu.
Kemm Gżira United kif ukoll Naxxar Lions se jkomplu l-Closing Round tal-kampjonat mal-ewwel sitta wara li kienu mal-aħħar sitta fl-Opening Round. Jekk Gżira kienu pjuttost komdi fit-tieni fażi tal-Opening Round tal-kampjonat, Naxxar Lions għamlu l-akbar trasformazzjoni.
Iż-żewġ timijiet biddlu l-kowċ waqt l-istaġun u għamlu progress sinifikanti. Naxxar biex waslu sas-semifinali eliminaw tliet timijiet taċ-Challenge League filwaqt li Gżira kellhom passaġġ ftit aktar diffiċli meta għelbu lil St Andrews taċ-Challenge League u t-timijiet tal-Premier Hibernians u Mosta.
F’dan l-istaġun, iż-żewġ timijiet iltaqgħu tliet darbiet kontra xulxin fil-kampjonat. Gżira rebħu l-ewwel żewġ konfronti 2-1 u 3-1 filwaqt li fl-aħħar konfront madwar xahar u nofs ilu, Naxxar ħarġu rebbieħa 4-2.
IT-TRIQ LEJN IS-SEMIFINALI
Birkirkara
3 ta’ Jannar 2026 Birkirkara v SK Victoria W. 3-1
25 ta’ Frar 2026 Birkirkara v Pietà H. 2-0
4 ta’ Marzu 2026 Birkirkara v Żabbar SP 2-1
Gżira United
3 ta’ Jannar 2026 St. Andrews v Gżira U. 0-2
25 ta’ Frar 2026 Gżira U. v Hibernians 3-2
3 ta’ Marzu 2026 Gżira U. v Mosta 2-1
Naxxar Lions
4 ta’ Jannar 2026 Marsa v Naxxar L. 0-3
27 ta’ Jannar 2026 Swieqi U. v Naxxar L. 2-4
4 ta’ Marzu 2026 Żurrieq v Naxxar L. 1-2
Valletta
3 ta’ Jannar 2026 Pembroke A. v Valletta 0-1
28 ta’ Jannar 2026 Tarxien R. v Valletta 0-1
4 ta’ Marzu 2026 Valletta v Ħamrun S. 3-1
Meridianbet FA Trophy
Illum
Stadium Nazzjonali: Gżira United v Naxxar Lions 1.45pm, Valletta v Birkirkara 5.30pm
//= $special ?>

