Lokali Qorti

Somalu ħati li seraq mill-Knisja taż-Żurrieq f’Ħamis ix-Xirka

Ritratt: Martin Agius

Somalu ta’ 50 sena ġie kkundannat 11-xahar ħabs wara li ammetta li seraq flus u oġġetti minn diversi persuni li kienu fil-Knisja taż-Żurrieq f’Ħamis ix-Xirka.

Il-Pulizija arrestat lir-raġel il-Ġimgħa, meta spettur li ma kienx fuq xogħol irnexxielu jiddentifika lil Nasir Aydiid Aabi, li bħalissa huwa residenti Raħal Ġdid.

Skont il-Pulizija, għall-ħabta tat-8 tal-Ħamis filgħaxija, xi nies li kienu fil-knisja avviċinaw lill-ispettur u rrappurtaw li ntilfulhom diversi oġġetti, fosthom mowbajls, ġkieket u basket.

Huma taw deskrizzjoni tar-raġel, u qalu li ftit qabel kienu rawh idur b’mod suspettuż fil-knisja.

Minnufih, l-ispettur beda jfittxu u sabu miexi fi Vjall Blue Grotto, fejn żammu. Fil-pussess tiegħu nstabu l-oġġetti nisruq ftit tal-ħin qabel.

Wara li sejjaħ għall-għajnuna, fuq il-post waslu uffiċjali oħra tal-Pulizija li arrestaw lir-raġel.

Is-Sibt filgħodu, l-imputat tressaq quddiem il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil fejn ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih, u ġie kkundannat 11-il xahar ħabs.