Lokali

F’Sibt il-Għid l-Isqifijiet għammdu 36 adult

Il‑Vġili Solenni tal‑Qawmien tal‑Mulej mill‑Imwiet immexxija mill‑Arċisqof Charles Scicluna fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta u mill-Isqof Joseph Galea-Curmi fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl fl-Imdina.

F’Sibt il-Għid l-Isqfijiet għammdu 36 adult li permezz tas‑Sagramenti tad‑Dħul fil‑Ħajja Nisranija (magħmudija, griżma u tqarbin) saru membri tal‑Knisja Kattolika. L-Insara l-ġodda huma minn Malta, l-Albanija, l-Indja, Spanja, it-Turkija, l-Iran, is-Sirja, l-Ungerija, il-Malażja, il-Mauritius u ċ‑Ċina. 

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Charles Scicluna ħeġġeġ lill-katukemni: “Tibżgħux, intom qed tingħataw biex twasslu l-bxara t-tajba lid-dinja, bxara ta’ paċi, ferħ, ħniena u salvazzjoni.” L-Arċisqof ifakkarna li l-imħabba tirbaħ fuq il-biża’ bir-rebħa tal-Mulej fuq id-dnub tagħna.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi ħeġġeġ lill-katekumeni jgħixu l-qawmien ta’ Ġesù billi jagħżlu “t-tama meta kollox jinħass mitluf, li nagħżlu l-maħfra meta hi iktar faċli li nibqgħu nġorru r-rabja, li nagħżlu l-imħabba anki meta tiswielna, li nagħżlu l-fidi anki meta ma nifhmux kollox. Il-Qawmien tistedinna ngħixu b’mod differenti: mhux bħala nies tal-qabar, imma bħala nies tad-dawl.”