Sa ftit tal-jiem ilu, it-tifel li kien allegatament aggredit minn missieru fiz-zona tal-White Rocks kien qed jissielet fl-isptar bejn ħajja u mewt. L-istorja tiegħu – u ta’ oħtu – ixxukjat lil bosta. Qatta’ ġranet sħaħ fl-ITU. U issa, mhux biss irkupra sew, iżda anke deher għall-ewwel darba ma’ sħabu tan-nursery ta’ Valletta bħala mascot f’Ta’ Qali għall-partita tal-FA Trophy.
It-tifel, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, kien sofra feriti serji speċjalment f’rasu.
Meta instab mill-Pulizija grazzi għar-rapport li għamlet oħtu, hu kien mitluf minn sensih f’għadira demm. Iżda l-intervent f’waqqtu mit-tobba u l-paramediċi kien tista’ tgħid mirakoluż – mal-ewwel beda jirrispondi. U jum wara l-ieħor kien hemm progress kbir f’saħħtu.
Net News kien irrapporta li t-tifel ħareġ mill-ITU u kien ġie trasferit f’sala oħra. Dak fih innifsu kien diġa’ sinjal pożittiv immens. Biex imbgħad, ftit tal-ġranet wara, kien saħansitra rilaxxat mill-isptar Mater Dei.
Il-preżenza ta’ dan it-tifel mat-tim ta’ Valletta f’Ta’ Qali kienet xi ħaġa li ġiet innutata minn bosta; partikolarment dawk li jafuh min-nursery u li kienu tassew sodisfatti bil-progress li wera.
Dwar dan il-każ għad hemm proċeduri pendenti li għaddejin fil-Qorti.
//= $special ?>

