Lokali

Sarah Spiteri rikonoxxuta mill-Commonwealth għall-kontribut eċċellenti tagħha fil-ħidma maż-żgħażagħ

Sarah Spiteri, Senior Youth Worker fl-Aġenzija Żgħażagħ, ġiet rikonoxxuta għat-tieni darba mill-Commonwealth bl-unur “Outstanding Contributions” għall-ħidma tagħha maż-żgħażagħ fir-Reġjun Ewropew tal-Commonwealth.

Dan ir-rikonoxximent jippremja d-dedikkazjoni u l-impenn ta’ Sarah Spiteri lit-tfal u ż-żgħażagħ, u l-kontribut kontinwu tagħha biex isaħħaħ standards professjonali u tmexxija etika fil-qasam, kemm fuq livell lokali kif ukoll Ewropew.

“Il-Youth Workers għandhom rwol vitali fl-iżvilupp nazzjonali billi jappoġġjaw lit-tfal u ż-żgħażagħ fi stadji differenti ta’ ħajjithom,” qalet Sarah.

“Permezz tal-mentoring u l-involviment fil-komunità, il-Youth Workers jgħinu lit-tfal u ż-żgħażagħ jibnu l-kunfidenza, jiżviluppaw ħiliet differenti u jipparteċipaw b’mod attiv fis-soċjetà. Il-ħidma tagħna tikkontribwixxi direttament għall-iżvilupp ta’ ċittadini resilienti fil-futur.”

L-Commonwealth Youth Worker Awards jirrikonoxxu l-kontributi eċċellenti ta’ dawk li jaħdmu f’dan is-settur u l-impatt tagħhom fl-iżvilupp pożittiv tat-tfal u ż-żgħażagħ madwar il-Commonwealth.

Meta kienet qed titkellem dwar dan ir-rikonoxximent, Spiteri saħqet dwar l-importanza tal-investiment f’dan is-settur taż-żgħażagħ.

L-Aġenzija Żgħażagħ, bħala l-Aġenzija Nazzjonali taż-żgħażagħ, tagħti appoġġ lill-iżvilupp personali, soċjali u edukattiv taż-żgħażagħ, tappoġġja l-ħaddiema u l-organizzazzjonijiet, u tiżgura li l-vuċijiet tagħhom jiġu mħarsa fil-proċess tad-deċiżjoni lokali, nazzjonali u internazzjonali.

Intant, dan l-unur jirrikonoxxi l-eċċellenza individwali u juri l-kontribut kollettiv tal-ħaddiema li jaħdmu maż-żgħażagħ f’Malta u madwar il-Commonwealth, u jikkonferma l-ħidma taghom bħala professjonisti essenzjali għall-iżvilupp soċjali sostenibbli.