Futbol Sport

Bħal-lum 35 sena llu: L-ewwel sospensjoni storika ta’ 15-il xahar għal Diego Armando Maradona

Diego Armando Maradona
Diego Armando Maradona

Bħal-lum 35 sena llu, il-Lega tal-Futbol fl-Italja, kienet ħabbret id-deċiżjoni tagħha li tissospendi lil Diego Armando Maradona għal 15-il xahar wara li kien instab pożittiv għall-kokaina. Maradona, li miet fil-25 ta’ Novembru tal-2020, fl-età ta’ 60 sena, kien, għadu u bla dubju se jibqa’ meqjus bħala wieħed mill-aqwa plejers tal-futbol li qatt rat id-dinja.

It-talent li kellu Maradona, speċjalment bil-ballun f’saqajħ, sal-lum ftit rajna bħalu. Kien jilgħab f’rwol avvanzat, u fil-pożizzjoni klassika tan-numru 10, hu kien magħruf għall-viżjoni, il-passaġġi, il-kontrol li kellu tal-ballun u l-ħiliet tiegħu fid-dribbling. Dawn l-attribwiti kienu jikkombinaw perfettament mal-istatura qsajra tiegħu, li kienet tippermettielu jimmanuvra aħjar minn kwalunkwè plejer ieħor. Bħala talent straordinarju minn età żgħira, Maradona ngħata l-laqam El Pibe de Oro, isem li baqa’ miegħu tul il-karriera kollha tiegħu.

L-akbar problema li kellu Maradona tul il-karriera tiegħu bħala plejer u saħansitra anke wara, kienet id-dependenza fuq id-droga. Mill-nofs tas-snin tmenin sal-2004, Maradona kien dipendenti fuq il-kokaina. Jingħad li beda juża d-droga meta kien ma’ Barcelona fl-1983. Meta wasal biex jilgħab ma’ Napoli, kien diġà żviluppa dipendenza sħiħa li affettwat il-kapaċità tiegħu li jilgħab il-futbol.

Fit-17 ta’ Marzu 1991, meta kien jilgħab jilgħab fis-Serie A Taljana ma’ Napoli, Maradona nstab pożittiv għall-kokaina wara logħba tal-Kampjonat Taljan kontra Bari. Din kienet l-ewwel sospensjoni tiegħu fit-tul minħabba din id-dipendenza, u fissret it-tmiem tiegħu ma’ Napoli. Is-sospensjoni saret uffiċjali u kienet komunikata, bħal-lum 35 sena llu, fis-6 ta’ April, 1991.

Wara li rritorna Buenos Aires, Maradona ġie arrestat mill-pulizija Federali Arġentina fit-26 ta’ April 1991 u akkużat bil-pussess u t-tqassim tad-drogi. Hu ma reġa’ lagħab qatt ma’ Napoli wara din is-sospensjoni.

Wara li lagħab mal-klabb Spanjol, Sevilla u ma’ diversi timijiet Arġentini, Maradona ġie magħżul bħala l-kaptan tat-tim nazzjonali fit-Tazza tad-Dinja tal-1994.

Fit-25 ta’ Ġunju 1994, wara li l-Arġentina rebħet 2-1 kontra n-Niġerja, huwa nstab pożittiv għall-ephedrine, sustanza stimulanti pprojbita. Fit-24 ta’ Awwissu, il-Federazzjoni Dinija tal-Futbol ħadet deċiżjoni li tissospendi li Maradona għal 15-il xahar, b’effett retroattiv mill-30 ta’ Ġunju.

Fit-tmiem tas-sospensjoni tiegħu, Maradona ffirma ma’ Boca Juniors. Fl-aħħar ta’ Awwissu, ħabbar li kien se jagħmel trattament kontra d-dipendenza fuq il-kokaina f’klinika Żvizzera.

Għalkemm spiss, Maradona daħal għal trattament ta’ riabilitazzjoni, sforz id-dipendenza li kellu għall-kokaina, u saħansitra kien iddikjara li waqaf juża’ din id-droga bejn l-2004 u l-2007, sfortunatament jibqa’ fatt li din id-dipendenza ħalliet konsegwenzi serji fuq saħħtu tul ħajtu kollha.