Il-Membru Parlamentari Laburista u eks ministru għall-affarijiet barranin, Carmelo Abela ma jaħsibx li l-President Amerikan Donald Trump jistħoqqlu l-Premju Nobel għall-Paċi; pożizzjoni li tmur kontra l-azzjoni li kien ħa d-deputat Prim Ministru Ian Borg meta nnomina lill-Trump għal tali premju. Turija ċara tal-qasma u n-nuqqas ta’ qbil li hemm fi ħdan il-Kabinett tal-Ministri.
Mistoqsi mill-MaltaToday dwar jekk jaqbilx mal-pożizzjoni li ħa d-deputat prim ministru, Carmelo Abela stqarr li l-politika barranija tagħna hija bbażata fuq l-interessi ta’ Malta. U fl-istess nifs sostna li dan ma jfissirx li ma nistgħux inkunu kritiċi.
Carmelo Abela sostna li fil-fehma tiegħu meta pajjiżna jkun involut f’ċirkostanzi assoċjati mal-President Amerikan Donald Trump u pożizzjonijiet li pajjiżna ma jaqbilx dwarhom, il-Gvern għandu jgħid li ma jaqbilx.
Il-Membru Parlamentari Laburista stqarr li meta Trump xtaq li jirbaħ dan il-premju kien qed jesaġera – u li ma jaħsibx li kien jistħoqqlu l-Premju Nobel għall-Paċi.
Il-backbencher laburista stqarr li Trump għandu jaħdem għall-paċi mingħajr ma jistenna xejn lura. U li fil-fehma tiegħu il-gwerra fl-Iran mhijiex qed tieħu lid-dinja fid-direzzjoni tal-paċi; iżda minflok qed toħloq aktar instabbiltà fir-reġjuni qrib Malta.
Ian Borg minn naħa tiegħu kien baqa’ jiddefendi l-azzjoni li ħa f’Ottubru biex jinnomina lil Donald Trump għall-Premju Nobel tal-Paċi – liema premju baqa’ qatt ma ħadu.
//= $special ?>

