Inkitbet l-istorja fi tmiem il-ġimgħa waqt il-Urban Trail de Lille fi Lille, fejn atleti ta’ livell għoli taw wirjiet mill-aqwa f’tellieqa ta’ klassi dinjija.
L-attenzjoni kienet fuq il-Franċiż Jimmy Gressier, li kiser ir-rekord Ewropew tal-5km b’ħin impressjonanti ta’ 12:51 biss żewġ sekondi ‘l bogħod mir-rekord dinji.
Fost dan il-livell għoli ta’ kompetizzjoni, spikka wkoll l-atleta GħawdxiDavid Borg, li temm it-tellieqa f’ħin eċċellenti ta’ 15:43. Prestazzjoni bħal din turi b’mod ċar li Borg kapaċi jikkompeti ma’ wħud mill-aqwa atleti internazzjonali. Dan huwa suċċess li jagħmel ġieħ lill-klabb tiegħu, Athletix AC Gozo, li ra l-potenzjal tiegħu f’avveniment prestiġjuż.
Barra minn hekk, atleti Maltin oħra wkoll irrappreżentaw lil pajjiżna f’din it-tellieqa, fosthom Simon Spiteri u Gabriel Farrugia, li ħadu sehem bħala parti mit-tim nazzjonali Malti.
Din il-parteċipazzjoni turi l-progress kontinwu tal-atletika Maltija fuq livell internazzjonali u tkompli ssaħħaħ il-preżenza ta’ Malta f’avvenimenti sportivi ta’ prestiġju.
//= $special ?>

