Hawn trasparenza tajba fil-pajjiż, kif għandu jkun.
Sostna dan il-Ministru Owen Bonnici meta kien mistoqsi minn Net News dwar il-fatt li l-Prim Ministru Robert Abela ma jridx jippubblika d-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-membri tal-Kabinett – minkejja l-appelli tal-Kummissarju għall-Istandards Joseph Azzopardi, tal-Partit Nazzjonalista u tal-Unjoni Ewropea.
Minflok, Abela jrid iwaqqaf milli jsiru dikjarazzjonijiet tal-assi fuq livell Eżekuttiv u jaċċerta li kull membru tal-Leġiżlattiv jagħmel dan – fatt li għal kollox iwaħħad żewġ pilastri tad-demokrazija.
Mistoqsi dwar dan Owen Bonnici beda billi qal li hu jaqbel ma’ Robert Abela.
Dan filwaqt li kompla biex ammetta li s-sistema ta’ pajjiżna hija waħda li ma tisseparax għal kollox il-Membri tal-Kabinett mill-Membri Parlamentari – fatt li proprju kif irid jagħmel il-Prim Ministru nnifsu se jkompli jħawwad u jwaħħad ma xulxin żewġ pilastri tad-demokrazija.
Bonnici insista li kien Gvern Laburista li waqqaf l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards; madanakollu huwa ironiku kif l-istess amministrazzjoni qed tiġi taqa’ u tqum mill-appelli tal-istess Kummissarju Joseph Azzopardi li ilu xhur jappella lill-Prim Ministru biex jippubblika l-assi. Saħansitra fl-aħħar jiem, delegazzjoni mill-Parlament Ewropew immexxijja minn Tomáš Zdechovský insista fuq it-trasparenza, l-kontabbiltà u l-użu b’mod aktar għaqli ta’ flus il-poplu.
Bil-Ministru Bonnici jkollu jammetti l-appelli li qed isiru mill-Kummissarju.
Finalment wara dan kollu l-istess Bonnici sostna li, minkejja dawn l-appelli kollha, hu jemmen li l-Gvern huwa trasparenti kif għandu jkun.
//= $special ?>

