Lokali

Il-ġurnalisti Taljani jkomplu jistaqsu lill-Ministru Anton Refalo

Il-ġurnalisti Taljani għadhom qed isusu wara l-Ministru Anton Refalo hekk kif fl-aħħar ġimgħat marru jistaqsu lill-istess Ministru dwar proprjetà fil-Qala, Għawdex, li allegatament fis-snin tmenin kien qiegħed maħrub fiha il-Capo dei Capi tal-Mafia, Totò Riina.

Mal-ġurnal Times of Malta Anton Refalo sostna li din hija biss biċċa sensazzjonaliżmu minn naħa tat-Taljani u li m’għandu x’jaqsam xejn ma din l-imsemmija proprjetà.

Il-ġurnal Taljan La Stampa rrapporta kif ġurnalisti mir-Rai avviċinaw lill-Ministru Refalo waqt li kien qiegħed iħott pittura minn trakk. Huwa qalilhom li d-dar xtraha 25 sena ilu. Ġie rrapportat li meta l-Ministru staqsewh mingħand min xtara d-dar…qalilhom biex ma jindaħlux – u sussegwentament ħarab bil-karozza.

Lit-Times qalilhom li l-proprjetà xtraha fl-2002 mingħand avukat, filwaqt illi insista li ma kellux idea li din il-proprjetà kellha xi rabta ma Totò Riina.

Fis-snin tmenin Refalo kien elett fil-Parlament għall-ewwel darba fl-elezzjoni ġenerali tal-1987 u huwa proprju mill-Qala – u għaldaqstant il-Ministru sa minn dejjem kellu preżenza qawwija fir-raħal. Dan filwaqt li minħabba l-kampanja elettorali wieħed isibha ferm diffiċli li ma kellux idea min kien qiegħed jirrisjedi fir-raħal f’dak il-perjodu.

Il-ġurnalist u preżentatur tal-programm fuq Rai 3, Lo Stato delle Cose, Massimo Giletti, bagħat messaġġ permezz ta’ filmat lil Anton Refalo jistaqsih jekk jafx xi ħaġa b’rabta ma’ Riina u din il-proprjetà.

S’issa jidher li l-Ministru ma weġibx lill-ġurnalisti investigattivi Taljani. Bil-programm mistenni jixxandar it-Tnejn wara d-disgħa ta’ filgħaxija.