Lokali

“Inkomplu ninvestu fl-edukazzjoni bħala pilastru ewlieni tal-ekonomija” – Alex Borg

“L-investiment fl-edukazzjoni huwa investiment dirett fl-ekonomija ta’ pajjiżna.”

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg f’laqgħa li kellu mad-diriġenti tal-Lebanese American University.

Din l-universita topera campus fil-Libanu u ieħor fi New York. Il-bord tal-amministrazzjoni tagħhom jikkonsisti f’aktar minn 50 direttur – li l-maġġorparti tagħhom huma Amerikani.

Matul din il-laqgħa li saret fid-Dar Ċentrali tal-PN, ġie diskuss fost l-oħrajn il-proġett li qed taħdem fuqu din l-universita sabiex tiftaħ skola f’Malta u l-viżjoni fit-tul li għandhom għal pajjiżna.

Min-naħa tiegħu, Alex Borg sostna li Gvern ġdid Nazzjonalista jkompli jipprovdi stabbiltà, jinvesti f’edukazzjoni ta’ kwalita għolja, u jiżgura li inizjattivi bħal dawn ikunu allinjati mal-viżjoni usa’ ta’ Malta għall-innovazzjoni u t-tkabbir bbażat fuq l-għarfien.

Matul il-laqgħa ġie rrikonoxxut ukoll l-irwol tal-PN bħala katalist ewlieni tar-riformi u l-opportunitajiet fl-avvanzi edukattivi. Iż-żewġ naħat iddiskutew l-impatt ekonomiku u soċjali tal-proġett, partikolarment il-potenzjal tiegħu biex isaħħaħ it-turiżmu edukattiv u jattira studenti minn pajjiżi barranin.

Barra minn hekk, il-laqgħa indirizzat ukoll kif dawn l-inizjattivi jistgħu joħolqu karrieri ta’ kwalita f’pajjiżna, u jinkoraġġixxu lill-gradwati jibqgħu f’Malta u jikkontribwixxu għall-futur ta’ pajjiżna.

Għal din il-laqgħa, Alex Borg kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Perici Calascione u x-Shadow Ministers Ivan Bartolo, Justin Schembri u Jerome Caruana Cilia.