Lokali

L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex tesprimi t-tħassib għall-kollass tas-saqaf tal-Batterija tal-Qbajjar

Parti mis-saqaf tal-Batterija tal-Qbajjar li tinsab ħdejn il-Qolla l-Bajda, ikkollassat; fortifikazzjoni mal-baħar li tmur lura għall-1715 – cioe minn żmien il-kavallieri.

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex esprimiet it-tħassib tagħha għal dan l-inċident li jfakkar fil-vulnerabbiltà tas-siti storiċi ta’ pajjiżna meta jitħallew jiddeterjoraw.

L-assoċjazzjoni sostniet li qed titlob valutazzjoni strutturali urġenti – li tiddetermina l-ħsara li kkawża l-kollass.

U sejħet ukoll għal restawr minnufih tal-fortitikazzjoni biex jiġu evitati aktar ħsarat estensivi.

Il-Batterija tal-Qbajjar hija element tal-wirt kostali f’Għawdex li ma jistax jiġi sostitwit – u kull dewmien fil-manutenzjoni tiegħu jżid ir-riskju ta’ aktar ħsara potenzjalment irreversibbli.

Saħqet ukoll dwar il-ħtieġa ta’ ftehim urġenti ma’ Din l-Art Ħelwa.

L-assoċjazzjoni temmet tisħaq li huwa fid-dmir tagħha u tal-poplu li jagħmel minn kollox sabiex il-Batterija tal-Qbajjar tinżamm preservata u ma tintilifx – kemm għall-ġenerazzjonijiet preżenti kif ukoll għal dawk futuri.