Lokali

L-ebda gvern ma għandu dritt iċaħħad lil uliedna mill-wirt storiku li ħallewlna ta’ qabilna – PN

L-ebda gvern ma għandu dritt iċaħħad lil uliedna mill-wirt storiku li ħallewlna ta’ qabilna

Il-wirt storiku ta’ pajjiżna qed jitħalla jitmermer quddiem għajnejna.

Huwa tal-mistħija kif dan il-Gvern qed ipoġġi f’riskju binijiet storiċi li huma parti intrinsika mill-istorja tagħna.

Kien dan il-messaġġ li wasslet fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Kultua u l-Arti Kreattiva, Julie Zahra fejn stqarret li It-tiġrif ta’ parti mill-batterija storika tal-Qbajjar f’Għawdex – li nkixef mill-media fl-aħħar sigħat – huwa ċertifikat ta’ kif anke meta mwissi dwar l-istat ħażin ta’ binijiet ta’ wirt storiku, il-Gvern qed jibqa’ jiġi jaqa’ u jqum. Minkejja li l-Gvern wiegħed xhur ilu li kien se jibda xogħol ta’ restawr fuq din il-binja li għandha aktar minn 300 sena u hija skedata fi Grad 1, sal-lum baqa’ ma sar xejn.

In-nuqqas ta’ investiment f’binijiet u monument storiċi juri kemm għal dan il-Gvern, l-istorja u l-kultura ma jfissru xejn.

Dak li seħħ fil-Qbajjar hu riżultat ċar ta’ snin ta’ telqa u nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern. Dan is-sit ta’ importanza nazzjonali, mibni fis-seklu 18, tħalla jiddeterjora minkejja wegħdiet ripetuti li qatt ma twettqu. Il-wirt storiku tagħna mhux piż imma huwa identità nazzjonali li trid tiġi mħarsa b’azzjoni u mhux bil-kliem biss.

Dak li ħallewlna l-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna, dak li bnew bl-għaraq ta’ ġbinhom, u dak li aħna għandna l-obbligu li nħarsu biex igawduh uliedna u l-ġenerazzjonijiet li ġejjin, m’għandux jitħalla jispiċċa.

Il-Gvern jidher li għadu ma tgħallem xejn mit-traġedja li seħħet f’Marsaskala meta ġġarrfet parti mill-Batterija ta’ Riħama, f’inċident traġiku li kien ħalla tfajla mejta.

Minflok ma qed jerfa’ r-resonsabbiltà li għandu fuqu li jħares dak kollu li hu wirt tagħna lkoll u jinvesti fir-restawr ta’ binijiet storiċi, dan il-Gvern qed jinħela fi propaganda ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro li jgawdu minnhom biss erbgħa tal-qalba.

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna n-negliġenza tal-Gvern u jitlob responsabbiltà immedjata kif ukoll intervent urġenti biex jiġi salvat dak li fadal.

Uliedna għandhom dritt igawdu wirt pajjiżna u l-ebda Gvern m’għandu dritt iċaħħadhom minn dan id-dritt.