Għaddiet sena minn meta l-futbol Malti spiċċa orfni wara li bħal-lum sena eżatt, nhar il-Ħadd, 6 ta’ April 2025, fl-Awstralja tħabbret il-mewt tal-eks captain u plejer tat-tim nazzjonali Malti, Willie Vassallo fl-età ta’ 75 sena.
Vassallo jibqa’ meqjus bħala wieħed mill-aqwa talenti li qatt ipproduċa l-futbol Malti, u għalkemm hu kien beda’ il-karriera tiegħu fil-futbol mal-iskwadra tal-minors ta’ Gżira United, l-eks midfielder li kien mogħni b’teknika kbira u intelliġenza tattika bħal ftit, jibqa’ imfakkar l-aktar f’Malta għaż-żmien li dam jilgħab ma’ Floriana.
Ta’ 17-il sena, Vassallo kien attira l-għajn tal-kowċ ta’ dak iż-żmien ta’ Floriana, il-mibkli Lolly Borg. Kien għalhekk li Floriana, f’nofs is-snin 60, iffirmaw lil Vassallo.
It-trasferiment ta’ Vassallo ma’ Floriana kien success bla preċident, anke għaliex hu kien jifforma parti minn tim glorjuż tal-greens li f’dak iż-żmien rebaħ ħafna mill-unuri fil-futbol domestiku.
L-unuri li rebaħ Vassallo huma konferma tal-karriera brillanti li kellu f’Malta bħala plejer, qabel eventwalment fl-1978, Vassallo kien ħa d-deċiżjoni li jemigra lejn l-Awstralja fejn hemmhekk kompla jilgħab il-futbol ma’ Green Gully SC.
Bħala plejer ta’ Floriana, Vassallo rebaħ xejn inqas minn ħames Kampjonati, tliet darbiet l-FA Trophy u unuri oħra fosthom it-Tazza tal-Indipendenza, is-Sons of Malta Cup, Testaferata Cup u l-Christmas Cup.
Fl-istaġun 1973/74, Vassallo rebaħ l-unur tal-plejer tas-sena tal-MFA. Fiż-żmien meta l-partiti mat-tim nazzjonali Malti kienu bil-wisq inqas minn kemm saru jilgħabu llum, Vassallo lagħab 31 darba bil-flokk ta’ Malta u skorja darbtejn.
Vassallo miet l-Awstralja, fejn kien baqa’ jgħix hemm wara li hu u l-familja tiegħu kienu emigraw. Madankollu, Vassallo kien spiss jiġi Malta, fejn baqa’ f’kuntatt regolari mal-pleljers li lagħab magħhom f’Malta, speċjalment dawk ta’ Floriana.
//= $special ?>

