Futbol Sport

Leeds United jirritornaw fis-semi-finali tal-FA Cup wara 39 sena

Leeds United jiċċelebraw wieħed mil-gowls tagħhom fil-partita kontra West Ham United.
Leeds United jiċċelebraw wieħed mil-gowls tagħhom fil-partita kontra West Ham United.

Leeds United kisbu post f’Wembley Stadium wara li l-bieraħ għelbu lil West Ham United fil-Kwarti tal-Finali tal-FA Cup, bl-għoti tal-penalties u f’logħba drammatika.

Leeds United fetħu vantaġġ ta’ 2-0 b’goakls ta’ Ao Tanaka u Dominic Calvert-Lewin, iżda l-Hammers għamlu rimonta straordinarja lejn tmiem il-partita meta rrnexxilhom jiskorjaw darbtejn, b’goals ta’ Mateus Fernandes u Axel Disasi.

Grazzi għal dawn iż-żewġ goals qabel it-tmiem tad-90 minuta, u bl-iskor 2-2, West Ham United sfurzaw il-ħin barrani, hekk kif ħafna kienu qed ibassru li Leeds United kienu se jirbħu l-konfront mat-tmiem tat-tieni taqsima.

Fil-ħin barrani, il-logħba kompliet tisbieħ u kelna 30 minuta addizzjonali li matulhom iż-żewġ timijiet ħolqu opoortunitajiet kbar. Ta bilħaqq li fiż-żewġ taqsimiet tal-ħin barrani kelna kull tip ta’ emozzjoni; b’goals imħassra, blalaen fuq il-linja u anke l-injury tal-goalkeeper ta’ West Ham United, Alphonse Areola, li wassal sabiex Finlay Herrick ta’ 20 sena jidħol jilgħab għal debutt memorabbli.

Herrick salva l-ewwel penalty ta’ Joel Piroe, iżda l-goalkeeper ta’ Leeds United Lucas Perri, salva żewġ penalties ta’ West Ham United biex Pascal Struijk skorja l-penalty deċiżiv għat-tim minn Elland Road.
Dik tal-bieraħ, li kienet ir-raba’ u l-aħħar partita mill-Kwarti tal-Finali tal-FA Cup Ingliża, kienet mimlija emozzjoni u tensjoni.

Kienet tassew waħda mill-aktar partiti spettakolari fl-istorja reċenti ta’ din il-kompetizzjoni. Leeds United issa avvanzaw għas-semi-finali tal-FA Cup għall-ewwel darba f’39 sena, filwaqt li West Ham United, minkejja l-qalb u l-perseveranza tagħhom, spiċċaw eliminati iżda ħarġu b’rashom ‘il fuq.