Sport

Malta Junior Open fir-Royal Malta Golf Club fil-Marsa

Aleksandr Vagimov minn Malta u Chiara Bauer-Mitterlehner mill-Ġermanja kienu r-rebbieħa ewlenin tal-Malta Junior Open 2026, li sar fil-ġranet li għaddew fir-Royal Malta Golf Club fil-Marsa.

Il-kompetizzjoni, li kienet mifruxa fuq tlett ijiem u ntlagħbet f’kundizzjonijiet klimatiċi diffiċli ħafna b’riħ qawwi u xita kontinwa attirat rekord ta’ 111-il parteċipant minn 23 pajjiż flimkien mal-parteċipazzjoni ta’ plejers lokali. Il-format kien ta’ stroke play fuq 54 holes , b’kategoriji għal taħt il-21 sena, taħt it-18-il sena u taħt is-16-il sena, b’enfasi fuq kompetizzjoni ugwali bejn is-subien u bniet.

Chiara Bauer-Mitterlehner kisbet ir-rebħa tagħha b’mod drammatiku fil-kategorija taħt it-18-il sena tan-nisa, meta rebħet sudden death play-off wara round finali b’saħħtu.

Min-naħa tiegħu, Aleksandr Vagimov wera konsistenza tul il-kompetizzjoni biex rebaħ il-kategorija taħt it-18-il sena tal-irġiel, fejn temm fuq quddiem kompetizzjoni qawwija.