BirdLife Malta tikkundanna bil-qawwa l-preżenza tal-pjattaforma ta’ divertiment f’wiċċ il-baħar magħrufa bħala “Noma Island” fil-viċinanzi ta’ Kemmuna — wieħed mill-aktar siti ekoloġikament sensittivi u legalment protetti f’Malta.
Kemmuna hija sit Natura 2000 u mdawra b’Żona Marittima Protetta, rikonoxxuta għall-importanza kritika tagħha għall-ħajja selvaġġa, b’mod partikolari għall-għasafar tal-baħar pelagiċi bħall-Garnija u ċ-Ċiefa, li jiddependu fuq ambjent mudlam u kwiet biex ibejtu u jipproduċu. Il-gżira tifforma wkoll parti mis-siti ta’ wirt mudlam rikonoxxuti f’Malta, fejn id-dawl artifiċjali wara nżul ix-xemx huwa ristrett, u kull introduzzjoni ta’ tniġġis mid-dawl mhux biss hija ta’ ħsara iżda wkoll inkompatibbli mal-protezzjoni eżistenti.
Fi stqarrija, BirdLife Malta qalet li l-pjattaforma Noma Island — faċilità kbira ta’ divertiment li żżomm f’wiċċ il-baħar u li hija mfassla biex tilqa’ mijiet ta’ nies — diġà ma ntlaqgħetx internazzjonalment minħabba tħassib ambjentali u regolatorju, u sabet ukoll oppożizzjoni ċara minn kunsilli lokali Maltin, kif irrappurtat fil-midja lokali. Minkejja dan, issa ġiet pożizzjonata qrib Kemmuna, f’post fejn attività bħal din hija totalment mhux xierqa u inkompatibbli mal-istatus protett tal-gżira. Kemmuna diġà tinsab taħt pressjoni estrema u mhux sostenibbli minn sfruttament kummerċjali intensiv, b’attivitajiet li ilhom is-snin jiġu mmaniġjati ħażin u li biddlu partijiet mill-gżira f’operazzjoni mmexxija mill-qligħ li tpoġġi l-profitt fi żmien qasir qabel il-protezzjoni tal-art pubblika u tal-wirt naturali.
L-introduzzjoni ta’ pjattaforma ta’ divertiment f’dan il-kuntest tirrappreżenta żieda oħra f’din il-pressjoni, li inevitabbilment iġġib magħha aktar storbju, dawl artifiċjali u traffiku marittimu, kollha fatturi li jikkontribwixxu għad-degradazzjoni ta’ dan l-ambjent fraġli. L-impatt fuq it-tajr tal-baħar ma jistax jiġi sottovalutat. Dan it-tajr huwa sensittiv ħafna għad-dawl artifiċjali u għall-istorbju, fejn it-tniġġis mid-dawl
jista’ jiddiżorjenta l-frieħ u jwassal biex jaqgħu fl-art, iweġġgħu jew imutu, filwaqt li l-istorbju u l-preżenza umana jfixklu l-imġiba tal-bejta u jistgħu jwasslu biex jabbandunaw il-bejtiet. Il-preżenza ta’ pjattaforma bħal din qrib sit importanti għall-bejta hija għalhekk imprudenti u irresponsabbli mil-lat ekoloġiku.
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qalet BirdLife Malta, għandha obbligu legali ċar li tħares l-aktar siti naturali sensittivi ta’ Malta, f’konformità mal-mandat tagħha li tipproteġi, tikkonserva u ttejjeb l-ambjent għall-ġenerazzjonijiet preżenti ufuturi.
F’dan il-kuntest, BirdLife Malta tistenna azzjoni immedjata u deċiżiva biex jiġi żgurat li din il-pjattaforma titneħħa mill-viċinanza ta’ Kemmuna u li operazzjonijiet bħal dawn ma jitħallewx iseħħu f’siti Natura 2000 jew qrib tagħhom, jew f’żoni sensittivi oħra.
Din is-sitwazzjoni tirrifletti xejra usa’ u ta’ tħassib serju, fejn attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent qed jiġu normalizzati dejjem aktar f’żoni protetti, u b’hekk jiddgħajfu l-impenji ambjentali kemm nazzjonali kif ukoll Ewropej. Iż-żoni protetti għandhom jiġu rispettati fil-prattika u mhux biss fuq il-karta, u lwirt naturali pubbliku m’għandux jiġi ssagrifikat għal qligħ privat taħt il-pretest ta’ attività kummerċjali.
Kemmuna mhix għall-bejgħ. Hija teżor nazzjonali u ekoloġiku, u l-protezzjoni tagħha hija responsabbiltà legali u morali.
BirdLife Malta qalet li se tkun lesta tħares din il-gżira għall-ġid komuni.
//= $special ?>

